“Min baqa’ barra mill-politika tad-difiża tal-UE, m’għandux iħallas għaliha”

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant jemmen li dawk il-pajjiżi li għażlu li jibqgħu barra mill-politika komuni ta’ difiża tal-Unjoni Ewropea, bħal Malta, m’għandhomx iġorru t-toqol finanzjarju ta’ nefqa akbar fid-difiża.
Bħalissa qed jiġu diskussi l-prijoritajiet politiċi tal-baġit tal-Unjoni wara l-2020, u Sant għadda dal-kumment meta kien qed jirreaġixxi għal-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Frar li għadda, li għaliha attenda l-Prim Ministru, Joseph Muscat.
“In-nefqa tad-difiża għandha tibqa’ separata mill-qafas finanzjarju komuni tal-Unjoni Ewropea. B’hekk dawk li jridu jipparteċipaw f’unjoni ta’ difiża jkunu jistgħu jagħmlu dan, mingħajr ma jimponu piż żejjed fuq dawk l-istati membri li jixtiequ li ma jipparteċipawx”, żied Alfred Sant.
Talab sabiex l-UE tikkunsidra l-kostituzzjoni ta’ kull pajjiż sabiex tiġi rrispettatata wkoll id-deċiżjoni li ma jipparteċipax fil-ftehim il-ġdid dwar id-difiża u s-sigurtà.
Ma’ Malta hemm id-Danimarka u r-Renju Unit li mhux se jipparteċipaw.
Dr Sant qal li minħabba l-prijoritajiet ġodda u l-ħofra li se toħloq il-Brexit, hemm il-ħtieġa li jinsabu metodi oħra għal finanzjament tal-qafas finanzjaru li jmiss.
Tkellem ukoll dwar l-għamla tal-Parlament Ewropew għal-leġiżlatura li jmiss, inkluż l-‘Spitzenkandidaten’ – il-proċess li bih ikun elett President ġdid għall-Kummissjoni Ewropea.
“Din il-kwistjoni għandha tingħata aktar konsiderazzjoni kemm mill-Parlament Ewropew u kemm mill-Kunsill. Iż-żewġ partijiet qed jassumu ħafna affarijiet dwar id-demokrazija u l-leġittimità politika li ftit jew xejn jappellaw għal poplu Ewropew”, temm jgħid l-Ewroparlamentari.