Miljuni ta’ Ewro fuq toroq li qed jipperikolaw il-ħajjiet – BAG

Il-Bicycle Advocacy Group jirraġixxi għall-inċident li seħħ ilbieraħ

Il-Bicycle Advocacy Group stqarr li qed jintefqu miluni ta’ Ewro fuq disinni li minflok jagħmlu l-vjaġġ sigur, qed jipperikolaw il-ħajja taċ-ċiklisti.

Huma kienu qed jirreaġixxu għall-inċident li seħħ ilbieraħ fejn qalu li ċ-ċiklist daħal ġo bollard, għax ma kellux għażla oħra minħabba li s-cycle lane tisparixxi. Spjegaw li inċident jaf ikollu riperkussjonijiet koroh ħafna, u kulħadd għandu dritt li jirritorna d-dar qawwi u sħiħ.

L-istess grupp qal li qed jesplora azzjonaijiet legali biex jittranġaw it-toroq perikolużi. Intqal li permezz tal-avukati tagħhom intbagħtet Ittra Ġudizzjarja għax saħqu li meta jiġru inċidenti simili, r-responsabbiltà u l-kontabbilità hija ta’ min għamel l-infrastruttura. Qed nikkonsultaw mal-awtoritajiet u mal-avukati tagħna biex naraw li d-dritt ta’ sigurta fit-toroq jiġi mħares għal kulħadd.

Il-grupp qal li meta ssir infrastruttura li ma tkunx tajba, kulħadd ibati fosthom tar-roti, min jimxi u min isuq vettura. Spjegaw li din hi r-raġuni għalfejn il-BAG dejjem issostni li l-affarijiet isiru sew, għax l-inċidenti jistgħu jiġu evitati.

Filwaqt li awguraw fejqan ta’ malajr liċ-ċiklist tal-inċident tal-bieraħ il-grupp qed jittama li l-infrastruttura ssir aħjar u talbu lill-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq biex pubblikament jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu fuq din l-infrastruttura u l-periklu li qed jidħol fiha min jużaha.