Mill-qabar jirnexxilha tniżżel PM – The Economist

Artiklu f’The Economist jibda b’introduzzjoni qawwija, fejn jgħid, li “swielha ħajjitha, imma fl-aħħar mill-aħħar, Daphne Caruana Galizia, mill-qabar tagħha niżżlet mill-poter ir-raġel li emmnet li ħalla l-korruzzjoni tiffjorixxi waqt li għamel il-gżira aktar sinjura.” L-artiklu jkompli jgħid li minkejja dan, il-Prim Ministru Malti qed jipprova jibqa’ jiggranfa għal ftit ġimgħat oħra.

Bit-titlu ‘Malta’s prime minister is ousted by a murdered journalist’s work’, The Economist ifakkar li fl-1 ta’ Diċembru, Joseph Muscat ħabbar li se jirriżenja. Stqarr li matul is-snin ċaħad li hu implikat u li pprova jpinġi t-tluq tiegħu bħala wieħed naturali, billi qal li “hu dejjem qal li prim ministru m’għandux jagħmel iktar minn żewġ leġiżlaturi”.

Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu jum wara li n-negozjant Yorgen Fenech tressaq il-Qorti akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista. Huwa wieġeb mhux ħati. The Economist jikkwota lil Paul, iben il-ġurnalista assassinata, jgħid li qabel ma nqatlet, ommu kienet qed tinvestiga rabtiet bejn Fenech, ftehim tal-gass mal-Ażerbajġana u żewġ uffiċjali tal-Gvern ta’ Muscat: Keith Schembri, li fil-jiem li għaddew irriżenja minn Chief of Staff, u l-Eks Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi. Rapport tal-Kunsill tal-Ewropa kien sab li kumpanija rreġistrata f’Dubaj f’isem Fenech, kienet se tagħmel pagamenti kbar fil-kumpaniji fil-Panama ta’ Schembri u Mizzi. It-tnejn li huma dejjem ċaħdu l-allegazzjonijiet kontrihom.

Muscat ippospona t-tluq tiegħu, sakemm il-partit tiegħu jagħżel mexxej ġdid fit-12 ta’ Jannar. Hu mbagħad jirriżenja fil-jiem ta’ wara. Dan wassal għal dibattitu jaħarqu fil-Parlament, protesti fit-toroq tal-Belt Valletta u allegazzjonijiet li Muscat kellu intenzjoni li jxekkel l-investigazzjoni. Minn naħa tiegħu Muscat qal li l-ġustizzja qed issir u li hu se jara li l-ġustizzja ssir għal kulħadd.