Mill-Punk Rock għall-Fidi: “Kristu bidilli ħajti”

Francesco Lorenzi jiltaqa' mal-Papa Franġisku

Il-Grupp popolari Punk Rock ‘The Sun’ se jagħti kunċert f’Ruma nhar is-Sibt li ġej għall-Papa u grupp ta’  żgħażagħ.

Minn aktar minn 700 kunċert li taw madwar id-dinja, Francesco Lorenzi – awtur, kantant u kitarrista jistqarr li ma tantx għandu memorji eċitanti. Il-membri tal-grupp qatgħu x-xewqa ta’ tfulithom imma d-dinja li għexu fiha kienet mimlija eċċessi u kienet teskludi lil Alla minn ħajjithom.

Iżda f’nofs l-20 sena tal-eżistenza tal-grupp saret bidla qawwija li m’għandha x’taqsam xejn mal-mużika. Lorenzi beda jersaq lejn il-Kristjaneżmu wara li kien warrab mill-fidi ta’ età żgħira flimkien ma sħabu l-membri tal-grupp. Iżda llum jistqarr il-kantant “ma nista’ nagħmel ebda tip ta’ mużika jekk ma nkunx iggwidat mill-fidi”.

Fil-fatt, f’dawn l-aħħar snin il-grupp “The Sun” ħa sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar f’Rio de Janeiro (2013) u fi Krakovja (2016). Barra minn dan, fuq stedina tal-Kardinal Gianfranco Ravasi l-grupp ħa sehem ukoll fl-Assemblea Plenarja tal-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura.

Issa nhar is-Sibt li ġej, il-grupp mistenni jagħti kunċert fiċ-Circus Maximus ta’ Ruma waqt laqgħa taż-żgħażagħ mal-Papa Franġisku bit-tema “Aħna Hawn”, bi preparazzjoni għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ.

“The Sun” huma meqjusa bħala l-aktar rock band popolari b’ispirazzjoni kattolika fid-dinja. “Aħna fortunatament rockers atipiċi, għax ħajjitna mimlija ferħ, imħabba u għandna ħajja mimlija” jgħid Frencesco Lorenzi.  U dan minkejja li fl-industrja tal-mużika li wieħed jagħti xiehda tal-fidi tiegħu għandha prezz. “Aħna mhux se nsiru bħall-U2 iżda Alla ħelsilna ruħna u jagħtina ħafna ferħ fil-ħidma tagħna.”

Francesco Lorenzi, li għandu 35 sena twieled f’Vicenza l-Italja u dan l-aħħar barra mill-mużika kiteb ukoll xi kotba. Il-ktieb tiegħu “La Strada del Sole” kien tradott fi tmien lingwi, iżda xorta għadu jibża’ jitkellem dwar din il-parti tal-karriera tiegħu.

Il-kantant jistqarr li għalkemm hu mhux aġent tal-ivjaġġar kull sena jieħu mijiet ta’ żgħażagħ miegħu jżuru l-Art Imqaddsa. Hu jmur hemm għax iħoss li Kristu bidillu ħajtu. “Il-ħajja fi Kristu tiġġedded kuljum. Li nieħu tant żgħażagħ fl-Art tal-Mulej ifakkarni fejn hi qalbi”.

“Jien lest immur kull fejn isejjaħli Alla. Bħalissa qiegħed fuq tour mal-grupp “The Sun” bix-show “Kull Jum Imqaddes”. Dan it-tour beda mal-pubblikazzjoni tal-Enċiklika tal-Papa Franġisku “Gaudete et Exultate” u f’ħafna aspetti t-tour tagħna jixbaħ dak li tgħid din l-eżortazzjoni”, temm jgħid il-kantant.