“Mill-professjonisti tas-saħħa kollha, it-tobba biss ħadu Ġieħ ir-Repubblika” – Pace

parata Jum ir-Repubblika
DOI

Il-President tal-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ikkritika l-fatt li lbieraħ kien hemm erba’ tobba li ħadu Ġieħ ir-Repubblika, filwaqt li professjonisti tas-saħħa oħrajn bħall-infermiera u l-qwiebel ma ġewx ikkunsidrati.

Il-Professur Charmaine Gauci u Dr Christopher Barbara nħatru uffiċjali tal-ordni għal kontribut tagħhom waqt il-pandemija tal-Covid-19. Charles Mallia Azzopardi wkoll nħatar uffiċjal. Intant, il-Prof. Stephen Montfort ingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Paul Pace qal “tobba biss ħadu Ġieħ ir-Repubblika (erba’ minnhom)…jidher li l-infermiera/qwiebel u professjonisti tas-saħħa oħra m’għamlu l-ebda kontribuzzjoni għall-pandemija tal-Covid-19.” Hu kompla billi qal li hija xi ħaġa ta’ min jistħi minnha, filwaqt li rrefera għall-Prim Ministri Robert Abela u l-President George Vella.

Propju lbieraħ, kienet iċċelebrata l-festa nazzjonali li tfakkar is-46 anniversarju tar-Repubblika. Fost l-oħrajn, l-Istat Malti onora lill-Kardinal Malti Mario Grech fil-grad ta’ kumpann fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu. Grech inħatar kardinal mill-Papa Franġisku fit-28 ta’ Novembru li għadda.

Il-Kardinal Mario Grech jingħata Ġieħ ir-Repubblika:
Il-Kardinal Mario Grech jingħata Ġieħ ir-Repubblika

Iċ-ċerimonja tal-bieraħ saret fil-Palazz tal-President il-Belt.