Filmat: Mill-kunvent lejn il-Eurovision – Jitkellmu s-sorijiet finalisti

Kien permezz tal-artiklu li deher fuq Newsbook.com.mt li s-sorijiet Ursolini tard il-Ġimgħa fl-għaxija saru jafu li kienu fost it-48 finalista tal-Malta Eurovision ta' Novembru. Eżatt kif spiċċaw minn professjoni reliġjuża f'Marsaxlokk, Sor Magdalene li tifforma parti mill-grupp tal-kanzunetta Love and Let Go ħadet l-aħbar u qasmitha mal-komunità kollha.
L-aktar li fehmu mill-ewwel x'kien qed jiġri kienu l-ħames sorijiet l-oħra li se jkantaw ma' Sor Magdalene jiġifieri Sor Michaela,  Sor Monica, Sor Rita, Sor Claudia u Sor Denise. Kienu ilhom jaħdmu fuq il-kanzunetta fil-kwiet minn Awwissu flimkien ma' Philip Vella li ħadem mill-qrib ħafna mas-sorijiet fuq din l-idea.
Ftit ħafna mis-sorijiet l-oħra kienu jafu bis-sottomissjoni tal-kanzunetta, iżda kif semgħu l-aħbar, wara li emmnu dak li semgħu b'widnejhom, mill-ewwel f'moħħhom kollha dewa l-eku tas-suċċess li kellha Sor Cristina ta' The Voice fl-Italia. Però, b'ton ferħan iċċaraw li ġiethom l-idea qabel ma tfaċċat Sor Christina. 
Apparti li ferħu għax resqu pass eqreb li jagħmluha mal-għoxrin finalista, is-sodisfazzjon il-kbir tas-sitt sorijiet hu aktar profond.
Ma' Newsbook.com.mt is-sorijiet spjegaw li qed iqisu din bħala opportunità li biha, bħal sor Cristina, se jkunu jistgħu jwasslu l-messaġġ pożittiv u Kristjan ma' kull rokna tal-Ewropa. 
Din se tkun l-ewwel darba fl-istorja tal-Malta Eurovision Song Contest li grupp ta' reliġjużi se jipprova jidħol għal dan il-konkors.
Jekk nhar il-Ġimgħa li ġej jgħaddu mal-għoxrin finalista u fit-22 ta' Novembru jirbħu l-festival ta' Malta, is-sorijiet ikunu ukoll l-ewwel sorijiet li fis-sittin sena li ilu jsir il-festival qatt għamluha sal-finali tal-Eurovision Song Contest
Minkejja li s'issa qatt ma dehru reliġjużi fil-Final tal-Eurovision Song Contest lura fl-2011 kien hemm diskussjonijiet twal u serji dwar jekk il-Vatikan kellux jieħu sehem fil-festival.  Dakinhar ħafna kienu ssuġġerew li fost il-qassisin u s-sorijiet hemm ħafna potenzjal mużikali.  Tant hu hekk li fl-2013 imbagħad fil-Ġermanja fost il-finalisti tas-selezzjoni nazzjonali kien hemm il-grupp Priests li pero' ma rebaħx il-konkors.
Forsi minjaf … din tkun l-ewwel darba għal Malta u għall-Eurovision innifsu! Nistennew u naraw!  

Filmat: Reel8 Productions