Awdjo: “Mill-kamra tan-nar spiċċajt l-ITU”

Bħall-bieraħ 31 sena ilu Bernard Schembri kien qed jaħdem in-nar f’għalqa f’Binġemma u spiċċa fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) ftit tal-ħin wara. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Schembri dwar din il-ġurnata li mhu se jinsa qatt. Huwa sofra ħruq f’25% ta’ ġismu u bela’ dħaħen mill-isplużjoni.

“Kien is-Sibt filgħodu u wassalni wieħed sal-kamra tan-nar għax ma kontx insuq. Kelli 20 sena. Konna qed naħdmu x-xogħol u bqajt waħdi nħallat. Ħriġt ftit qabel it-8am u kont se nibda nħallat meta kien hemm bħal berqa.”

Schembri spjega kif minn dak il-mument bdew il-konsegwenzi. Qal li ġera għal ftit metri mingħajr ma seta’ jara u ttieħed il-Berġa tar-Rabat. Stqarr li ma kienx qed iħoss uġigħ dak il-ħin, però sema’ l-infermier isejjaħ għal ambulanza b’urġenza. “Meta wasalt l-isptar, rajt lil ħija u ntlift minn sensija” żied jgħid Schembri. Qal li għaddew jumejn sakemm reġa’ qam  u sab ruħu fl-ITU. B’kollox dam bejn 12 u 15-il ġurnata l-isptar.

Mistoqsi dwar x’ħass fil-mument preċiż tal-inċident, Schembri qal li ma jistax jgħid peress li l-ewwel ħaġa li ġiet f’moħħu kienet biex jitlaq jiġri ‘l barra. Qal li meta kien l-isptar, sħabu tan-nar marru jżuruh kemm-il darba.

Schembri għadu involut fil-festi sal-lum, però mhux mat-taqsima tan-nar. Hu kien waqaf jaħdem in-nar sentejn wara l-inċident. “Ma nħarisx lura. Ma naħsibx li nikkunsidra nerġa’ nidħol lura. Mhux daqstant minħabba s-saħħa u s-sigurtà imma aktar minħabba l-ħinijiet. In-nar jeħodlok ħafna ħin”, temm jgħid Schembri.