Mill-inqas pajjiż li niġġes bis-CO2 għall-aktar wieħed f’sena

F’sena Malta niżlet mill-aktar pajjiż li naqqas l-emissjonijiet tas-CO2 għal dak li l-akbar żieda ta’ dan il-gass fl-arja.
Iċ-ċifri maħruġa llum mill-Eurostat juru li fl-2017 f’Malta l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju żdiedu bi 12.8%, jiġifieri l-pajjiż bl-akbar żieda, meta fl-istess rapport tas-sena l-oħra, Malta kienet naqqsitu b’aktar minn 18%, meta kienet ġiet fl-ewwel post.
Minkejja dan, meta wieħed iqis id-daqs tal-gżejjer Maltin, kulma kkontribwixxew għat-total ta’ emissjonijiet fl-Ewropa kollha hu 0.05%.
L-aktar pajjiż li kkawża emissjonijiet tas-CO2 fl-arja kien il-Ġermanja, minkejja li f’termini ta’ pajjiż naqqas l-emissjoni tal-gass mis-sena ta’ qabel.
Sadanittant, wara Malta kklassifikaw l-Estonja, il-Bulgarija, Spanja u l-Portugal.
B’kollox fl-UE l-emissjonijiet żdiedu b’1.8% mis-sena ta’ qabel.
L-emissjonijiet ta’ dal-gass huma l-kawża ewlenija għat-tisħin globali, u huma kkawżati l-aktar minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi, it-tkabbir ekonomiku, id-daqs tal-popolazzjoni, it-trasport u  l-attivitajiet industrijali.