Mill-Gudja għall-Qorti wara “li kważi qala’ spallet kuntistabbli”

Il-Pulizija qalet li qed tinvestiga l-każ fejn kuntistabbli tal-Pulizija sofra ġrieħi ħfief wara li aktar kmieni dan ix-xahar ġie aggredit minn raġel fil-Gudja.
Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li b’rabta ma’ dan il-każ mistennija titressaq persuna l-Qorti.
Il-każ seħħ qrib l-iskola tal-Gudja, meta l-kuntistabbli, li għandu taħt it-30 sena, ġie aggredit wara li pprova jikkalma argument.
Ma’ Newsbook.com.mt uffiċjali tal-Pulizija kienu qalu li ħassewhom urtati, minħabba li r-raġel li ħebb għall-kuntistabbli ma tressaqx b’arrest.
Sostnew li “minkejja li kważi qalagħlu spalltu, l-uffiċjali tad-Distrett lanqas biss ressqu lir-raġel b’arrest.”
Żiedu jgħidu li l-attakki kontra l-membri tal-Korp qed isiru spiss u li meta l-arresti ma jsirux fi żmien 24 siegħa qed "titnaqqas is-serjetà tal-każ."