Mill-Ġimgħa ‘Delimara 1′ tista’ tinħatt

Minn pitgħada parti mill-powerstation ta’ Delimara se tkun dikummissjonata, jiġifieri daqshekk fuq stand-by u jista’ jibda x-xogħol biex tinħatt.
Il-Ministru għall-Enerġija, Joe Mizzi, ħabbar dan waqt iż-żjara li għamel fil-bini tal-Enemalta, fejn irringrazzja lill-impjegati kollha tax-xogħol siewi li qed iwettqu sabiex l-Enemalta tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda għolja għall-elettriku, kif ukoll għall-ħidma tagħhom fit-twettiq tal-bidliet neċessarji mill-impjanti qodma bi żjut li jħammġu għal dak ġdid ibbażat fuq enerġija nadifa.
Din il-parti l-qadima mill-impjant, Delimara 1, kienet inbniet fl-1990 u hu mifhum li ċ-ċumnija tagħha hi l-ogħla struttura f’Malta, b’150 metru tul.
Kienet intefgħet fuq stand-by meta l-powerstation il-ġdida tal-Electrogas kienet ġiet ikkummissjonata.
Id-deċiżjoni li l-impjant ikun dikummissjonat ittieħdet mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.
Il-Ministru semma bosta proġetti fl-Enemalta, fosthom l-investiment ta’ €100 miljun fl-Enemalta u s-6 ċentri ġodda ta’ distribuzzjoni.
Saħaq li mill-2013 ’l hawn iż-żmien biex wieħed jingħata servizz naqas b’60%.