Mill-ġdid iċ-ċans biex jibni 34 maħżen fuq art ODZ f’Ħal Kirkop

In-negozjant Marco Gaffarena reġa’ għandu ċ-ċans li jibni 34 maħżen fuq art agrikola f’Ħal Kirkop, wara li t-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) iddeċieda kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li ma riditx toħroġ il-permess.
L-art li fuqha hemm il-proposta hi kbira 2,500 metru kwadru, iżda l-EPRT iddeċieda li l-pjanijiet jerġgħu jiġu assessjati.
It-tribunal iddeċieda wkoll li jneħħi wieħed mill-ostakli ewlenin li qabel kien hemm, jiġifieri l-bini issa jista’ jsir jekk il-bini ma jkunx ogħla mil-livell tal-art, u l-art fil-wiċċ tintuża bħala parkeġġ.
Min-naħa tiegħu Gaffarena kien argumenta li s-sit hu mdawwar bi żviluppi simili għal dak li jrid hu, u lil dawn ingħata l-permess mill-PA.
L-applikazzjoni Gaffarena daħħalha fl-2014, u dakinhar kien talab li jibni l-imħażen fuq żewġ sulari fis-sit magħruf bħala Tal-Ponta.
It-tribunal iġġustifika d-deċiżjoni meta qal li s-sit hu eksbarriera mdawra bit-toroq għall-karozzi.
Argumenta li għalkemm il-barriera m’għadhiex tintuża, u biċċa minnha ttieħdet, l-użu agrikolu tagħha hu limitat fid-daqs. Għalhekk il-permess għandu jiġi assessjat kif ġara f’permessi oħra.
Sadanittant, Transport Malta kienet oġġezzjonat għall-iżvilupp fl-2014, għax skont il-politika governattiva, is-sit hu riżervat għal żviluppi relatati mal-avjazzjoni.
10 snin qabel, fl-2004, il-PA kienet irrifjutat talba oħra ta’ Gaffarena biex jibni 13-il maħżen fl-istess inħawi, għax kienet qalet li kien kontra l-Pjan ta’ Struttura.