Mill-garaxx tal-Università għal tellieqa fl-Italja

B’magna 600cc ta’ mutur Honda, b’erba’ roti mdaqqsin u b’disinn simili għal dak li naraw fil-formula wieħed, il-karozza li ddisinjaw għadd ta’ studenti fl-Università ta’ Malta tinsab lesta biex tikkompeti f’tellieqa prestiġjuża barra minn xtutna.
Ix-xogħol fuq il-karozza beda madwar sentejn ilu. L-istudenti ramaw il-garaxx tal-Università bl-apparat kollu li hemm bżonn. F’Lulju li għadda ntlaħaq il-qofol tax-xogħol fuq din il-karozza hekk kif il-partijiet u l-komponenti kollha li kien hemm bżonn bdew jiġu magħquda flimkien.
Il-karozza se tkun qed tieħu sehem fil-Formula ATA 2014, kompetizzjoni li se ssir fl-aħħar ta’ Awwissu f’Parma, l-Italja.
It-tnedija ta’ din il-karozza saret fil-parkeġġ tal-Universita’ ta’ Malta u preżenti kien hemm il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi u l-Ministru tal-Edukazzjoni. Dawn iż-żewġ Ministeri, flimkien ma’ Transport Malta, kienu fost l-isponsors ta’ din l-inizzjattiva.
L-istudenti li għamlu l-preżentazzjoni saħqu li dan il-proġett ma nvolviex biss studenti tal-inġinerija, imma anke minn fakultajiet oħrajn, fosthom tal-Komunikazzjoni.