“Mill-Fosos għall-Pietà biex jonqsu l-ispejjeż” – Puli

Hekk kif fil-jiem li ġejjin Malta se tkun qed tiċċelebra l-55 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli flimkien ma’ Rebert Cutajar u Jean Pierre Debono ħabbar il-programm sħiħ tal-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista. Din is-sena l-attivitajiet marbutin ma’ din il-festa mhux se jkunu qed isiru fil-Furjana iżda quddiem u fid-Dar Ċentrali flimkien ma’ diversi lokalitajiet oħra biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-Partit.

Dawn l-attivitajiet se jkunu miftuħin għall-familja kollha u se jkunu jinkludu riċevimenti fid-distretti elettorali kollha, kunċert quddiem id-Dar Ċentrali minn Duran Duran kif ukoll il-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Il-qofol ta’ dawn l-attivitajiet se jkun il-mass meeting li din is-sena għall-ewwel daeba se jkun qed isir quddiem id-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà fl-20 ta’ Settembru.

Puli qal li din id-deċiżjoni ttieħdet f’għaqal u b’responsabbiltà ħalli ma jkomplix jiżdied il-piż finanzjarju tal-partit, madankollu se tiġi ċċelebrata kif jixraq il-festa tal-Indipendenza.