Awdjo: Mill-festa ta’ San Ġorġ jitilgħu jibnu djar għal-lebrużi fl-Etjopja

Dalgħodu waqt il-Pontifikal solenni tal-Festa ta’ San Ġorġ li qed tiġi ċċelebrata fil-Belt Victoria, l-Isqof Mario Grech ta l-mandat missjunarju lil sitt żgħażagħ li f’Settembru li ġej se jkunu qed jagħmlu esperjenza missjunarja fl-Etjopja.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Andrew Formosa, wieħed miż-żgħażagħ spjega li flimkien ma’ sitt żgħażagħ minn Malta, hu u sħabu tħajru biex flimkien ma’ Dun Ġorġ Grima li jmexxi l-moviment Ġesù fil-Proxxmu, jitilgħu jagħmlu volontarjat fl-Etjopja.
Andrew spjega li se jkunu qed jagħmlu żewġ proġetti kbar. L-ewwel proġett se jinkludi dak ta’ bini ta’ djar ġodda għal nies lebbrużi, u wara se jgħinu f’bini mill-ġdid ta’ knisja li waqgħet bl-elementi naturali u li se tiġi ddedikata lil San Ġorġ Martri.
Apparti dawn iż-żewġ proġetti kbar, Andrew Formosa qal li se jkunu qed jaħdmu ma’ ħafna tfal u jgħinuhom fil-bżonnijiet tagħhom.
Bħalissa dawn iż-żgħażagħ qed jorganizzaw attivitajiet biex jiġbru fondi għal din il-missjoni tagħhom. Dalgħodu stess, il-flus li nġabru mill-ewwel ġabra li saret waqt il-Pontifikal tal-festa, marru għall-proġetti ta’ dawn iż-żgħażagħ.