Mill-anqas 78 tifel u tifla mietu fil-Yemen kawża tad-dengue

Nemus infettat li jniggeż lill-bniedem u jmarrdu

78 tifel u tifla fl-età taħt is-16-il sena mietu fil-Yemen kawża tal-marda magħrufa bħala dengue li hija kkaġunata minn tinġiż minn nemus infettat. Din il-marda tinsab l-aktar f’pajjiżi bi klima tropikali.

Barra minn dan in-numru ta’ tfal mejta hemm ukoll 52,000 każi suspettati ta’ din il-marda u dan jista’ jfisser il-bidu ta’ epidemija ta’ din il-marda.

Ix-xita bil-qliel u l-kumplikazzjoni tal-ġlied li hemm bħalissa fil-pajjiż qed ifixklu l-provvista ta’ ilma tajjeb għax-xorb u allura n-nies qed jiġbru l-ilma tax-xita mill-għadajjar u x-xmajjar u dan l-ilma minn sorsi mhux mgħottija qed ixerred in-nemus infettat f’diversi nħawi tal-Yemen u dan qed iżid il-mard.

Passi immedjati

Jekk ma jittieħdux passi immedjati biex jissaħħu s-servizzi tas-saħħa biex il-marda tinqabad fi stadju bikri, l-imwiet jistgħu jikbru ħafna. Instabu każi tad-dengue kważi fid-distretti kollha tal-Yemen, bl-akbar numru reġistrati f’Hodeidah u Aden.

Maria Aldogani, maniġer tal-organizzazzjoni Save the Children f’Hodeidah li hi stess intlaqtet minn din il-marda, qalet li “Hodeidah għandha t-tieni l-ogħla rata tal-marda tant li fl-2019 mietu 62 persuna kaġun ta’ din l-infezzjoni.  Qatt ma rajna ħaġa bħal din. 40% tal-ħaddiema tagħna u l-familji tagħhom intlaqtu minn din il-marda. Qed jaslulna rapport ta’ mwiet kuljum, speċjalment minn żoni mbiegħda.”

“Għandna faċilitajiet mediċi li qed jaħdmu 24 siegħa kuljum u ftit ilu, f’ġurnata waħda, f’ċentru wieħed kienu reġistrati 30 każ li ħafna minnhom kienu jinvolvu tfal.

“Is-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż mhux tgħin. Ġenituri ma jaffordjawx li jġibu ‘l uliedhom l-isptar jew li jixtrulhom il-mediċini. L-isptarijiet huma mimlija u xi pazjent fl-isptar qed ikollhom jimteddu mal-art għax ma hemmx sodod biżżejjed. Is-sitwazzjoni hi ħażina ħafna”

“Il-marda laqtet saħansitra trabi ta’ tmien xhur. F’xi sptarijiet ma tismax ħlief tfal jibku u jwerżqu bl-uġigħ. Bħalissa Save the Children qed tgħin fi 48 faċilità sanitarja f’Hodeidah li s-sena li għaddiet irreġistrat aktar minn 6,000 każ ta’ dengue.”

Iċ-ċentri tas-saħħa tal-organizzazzjoni qed jilqgħu ħafna tfal isofru minn din il-marda filwaqt li t-tobba qed jikkuraw lill-pazjenti fid-djar filwaqt li jibagħtu l-każi serji ħafna fl-isptarijiet.

Tifel ta’ 8 snin spiċċa marid bid-dengue fir-raħal fejn jgħix ftit bogħod minn Kodeidah. Il-ġenituri tiegħu ħaduh l-isptar fejn qed jingħata l-kura meħtieġa flimkien ma’ 14-il tifel u tifla oħra kolha fl-età bejn 2 u 8 snin. Ommu qalet li kellha titlaq kollox warajha biex toqgħod ma’ binha l-isptar li għandu deni qawwi u ilu ma jiekol tliit ijiem.

Save the Children

Save the Children qed tipprovdi mediċini biex itaffu l-effetti ta’ din il-marda u għall-kundizzjoni tal-malarja f’Aden, Taiz, Hodeidah u Hajjah. Qed taħdem ukoll biex jikber l-għarfien fost il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u l-voluntiera dwar it-trattament tad-dengue u mard ieħor.

L-organizzazzjoni li għandha wkoll l-appoġġ tal-Knisja Kattolika qalet li bl-imxija kontinwa tal-mard fil-Yemen, irid ikun hemm il-paċi fil-pajjiż biex tkun tista’ tingħata l-kura meħtieġa malajr u tinbena mill-ġdid is-sistema tas-saħħa li qed tikkollassa. Bejn Ottubru 2016 u Awwissu tas-sena li għaddiet, fil-Yemen kien hemm aktar minn żewġ miljun persuna bil-kolera.

Ħames snin ta’ ġlied u gwerer wasslu biex is-sistema tas-saħħa fil-pajjiż qed titfarrak tant li aktar min-nofs il-faċilitajiet tas-saħħa mxerrda mal-Yemen kollu kellhom jagħlqu jew qed joffru servizzi limitati. Dan barra li ħafna sptarijiet ġarrbu ħsarat minn bumbardamenti u ġlied. Fil-pajjiż hemm ukoll nuqqas ta’ mediċina u nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati fil-qasam tas-saħħa.