Mill-anqas 28 qassis fl-Italja ta’ Fuq mietu minħabba l-COVID-19

REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Id-djoċeżijiet ta’ madwar Milan irrappurtaw li mietu 30 qassis matul l-epidemija tal-coronavirus.

Il-gazzetta Taljana Avvenire, li hija mmexxija mill-konferenza tal-isqfijiet Taljani, attribwiet mill-anqas 28 minn dawn l-imwiet għall-COVID-19, u tinnota wkoll żewġ każijiet addizzjonali: Fr. Guido Mortari, li miet minħabba pnewmonja qabel ma seta’ jiġi ttestjat, u Fr. Giorgio Bosini, li kellu kundizzjoni medika eżistenti.

Tlieta minn dawn il-qassisin kienu taħt l-età ta’ 70 sena, u aktar minn nofshom kellhom aktar minn 80 sena. L-iżgħar qassis li miet minħabba l-virus kien Fr. Andrea Avanzini mid-djoċeżi ta’ Parma, li kellu 54 sena. Ħdax minnhom kienu mid-djoċeżi ta’ Bergamo, fejn mill-anqas 15-il qassis ieħor huma rikoverati fl-isptar, skont l-isqof taż-żona.

Il-Papa Franġisku ċempel lill-Isqof ta’ Bergamo nhar it-18 ta’ Marzu biex jesprimi kemm hu qed iħossu viċin ta’ dawk kollha li qed ibatu f’din id-djoċeżi.

“Il-Papa wiegħed li aħna ninsabu qrib qalbu, u li qed jitlob għalina kuljum,” qal l-Isqof ta’ Bergamo Francesco Beschi matul messaġġ li huwa bagħat b’vidjo lid-djoċeżi tiegħu wara t-telefonata.

“Papa Franġisku kien tassew ġentili, tassew kemm iħossu viċin tiegħi, lejn il-qassisin, lejn il-morda, lejn dawk li qed jieħdu ħsiebhom, u lill-komunità kollha tagħna , qisu missierna. Hu xtaq aktar dettalji dwar dak li għaddejjin minnu bħalissa f’Bergamo, għalkemm kien tassew infurmat dwar is-sitwazzjoni tagħna,” qal l-isqof.

“B’mod partikolari, talabni biex ngħidilkom li hu jħossu tassew viċin tal-morda, u lejn dawk kollha li b’modi differenti qed jaħdmu b’kuraġġ għall-ġid tal-oħrajn: tobba, infermiera, l-awtoritajiet ċivili u tas-saħħa, il-forzi tal-infurzar tal-liġi,” kompla jgħid.

Bergamo kienet id-djoċeżi fejn kien jgħix il-Papa San Ġwanni XXIII, u l-isqof qed iħeġġeġ lill-Kattoliċi tal-post biex jitolbu lil San Ġwanni XXIII biex jipproteġi lill-morda u lil dawk li jieħdu ħsiebhom.

Fr. Remo Rota, qassis Taljan li serva fil-missjoni fir-Repubblika Domestika tal-Kongo għal 38 sena, miet fis-17 ta’ Marzu f’Bergamo wara li rriżulta pożittiv għall-coronavirus. Hu kellu 77 sena.

Sitt qassisin mietu bil-coronavirus fid-Djoċeżi ta’ Parma. Fosthom kien hemm Fr. Franco Minardi, li serva fl-istess parroċċa għal 70 sena, u Fr. Nicola Masi, Missjunarju Saverjan ta’ Parma, li kien serva bħala missjunarju fl-Amazon.

Fid-djoċeżi ta’ Piacenza-Bobbio ġew irrappurtati l-imwiet ta’ tliet qassisin, inkluż aħwa tewmin ta’ 87 sena, Fr. Mario Boselli u Fr. Giovanni Boselli, li mietu l-għada ta’ xulxin. Djoċeżijiet Taljani oħra li rrappurtaw imwiet minħabba l-coronavirus huma Cremona, Milan, Lodi, Brescia, Casale Monferrato u Tortona.

Qed jiġu offruti funerali privati għall-qassisin mejta, minħabba li ċ-ċerimonji pubbliċi reliġjużi kollha, inkluż żwiġijiet u funerali, ġew ipprojbiti mill-gvern Taljan.

Madwar 3,000 persuna mietu minħabba COVID-19 fl-Italja f’anqas minn xahar wara li 35,700 persuna rriżultaw pożittivi għall-coronavirus, sat-18 ta’ Marzu.