Mill-2014 ikkwaddriplikaw in-numru ta’ parkeġġi ‘mitlufa’ f’Tas-Sliema

Ikkwaddriplikaw in-numru ta’ parkeġġi meħtieġa iżda li ma sarux f’Tas-Sliema wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat li titħallas multa taħt il-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS).
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija mill-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweġiba għal-informazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista George Pullicino.
Il-policies dwar l-ippjanar jistabbilixxu relazzjoni bejn in-numru ta’ propjetajiet u l-għadd ta’ parkeġġi li għandhom ikunu pprovduti għalihom. F’każ fejn għal raġuni jew oħra l-Awtorità tal-Ippjanar tirrikonoxxi li hemm raġuni valida għaliex dawn il-parkeġġi ma jsirux, l-iżviluppatur jintalab iħallas kontribuzzjoni liema kontribuzzjoni għandha tiġi investita fi spazji pubbliċi ta’ parkeġġ.
Skont l-informazzjoni mogħtija fil-Parlament, fl-2014 ingħataw 25 permess biex jiġu mħallsa kontribuzzjonijiet komplessivi għal-valur ta’ €107,384 minflok ma saru 53 parkeġġ.
L-għadd ta’ parkeġġi 'mitlufa' rdoppja s-sena sussegwenti hekk kif ma sarux 161 parkeġġ u minflok tħallsu €334,519 minn 37 żviluppatur.
Matul is-sena li għaddiet kemm l-għadd ta’ permessi kif ukoll l-għadd ta’ parkeġġi mitlufa reġgħu splodew il-fuq hekk kif dawn telgħu għal 93 u 257 rispettivament waqt li l- kontribuzzjonijiet mħallsa kienu €538,245. L-għadd ta’ parkeġġi ‘mitlufa’ s-sena li għaddiet kienu 400% iktar minn dawk ‘mitlufa’ fl-2014.