Mill-1 ta’ Lulju tidħol fis-seħħ il-liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal

Clodagh O'Neill (DOI)

Read in English.

Minn hawn u ftit ġranet oħra se tkun qed tidħol fis-seħħ il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal.

Il-bżonn ta’ din il-liġi ilu jinħass żmien twil u fl-aħħar xhur saru eżerċizzji ta’ konsultazzjoni u nstemgħu l-partijiet kollha li se jkunu qegħdin iħaddmu jew jiġu affettwati b’din il-liġi. Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja u Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li saru wkoll diversi emendi fl-aħħar abbozz sabiex l-esperjenzi u l-għarfien professjonali kollha jkunu ttieħdu inkonsiderazzjoni.

Din il-liġi se tkun qed tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju li ġej. Il-Ministru żied li din il-liġi se tagħti prijorità assoluta lid-drittijiet tat-tfal f’Malta u f’Għawdex u telenka r-responsabbiltajiet tal-professjonisti kollha involuti. Huwa tkellem ukoll dwar kif il-Liġi se tkun qed tiffaċilita aħjar adozzjonijiet lokali. Fil-preżent hawn madwar 450 tifel u tifla li ma jgħixux mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom. 

Din il-liġi se tkun qed tipproteġi aktar lil dawk it-tfal li jkunu qegħdin jesperjenzaw kwalunkwe tip ta’ vjolenza, abbandun jew li għandhom bżonn xi forma ta’ protezzjoni. Dan iwassal biex it-tfal ma jkunux qegħdin jgħixu f’ambjent san. Din il-liġi tolqot ukoll lill-professjonisti li jaħdmu mat-tfal u l-familji tagħhom, kif ukoll lil dawk in-nies li huma lesti jilqgħu għandhom lil dawn it-tfal. 

Il-konsulent li ħadem fuq din il-liġi, l-Avukat Andy Ellul, saħaq li permezz ta’ dan it-tibdil, l-Ordni  ta’ Ħarsien se toħroġ mill-Qorti għall-Minorenni u mhux mill-Ministru. Spjega li se jkun hemm tliet ordnijiet ta’ protezzjonijiet alternattivi għall-ordni għall-ħarsien, it-tfal se jkunu qegħdin jipparteċipaw f’kull stadju tal-proċess, u l-interessi tagħhom se ikunu rrapreżentati minn Avukat tat-Tfal.

Permezz ta’ din il-liġi, l-aħjar interess tal-minuri se jkun l-aktar fattur determinanti u għalhekk il-minuri se jkunu fiċ-ċentru ta’ kull deċizjoni li tkun qed tittieħed f’dan il-proċess.

It-tfal se jingħataw għajnuna addizzjonali permezz tal-preżenza tal-Avukat tat-Tfal matul il-proċess kollu, sapport u għajnuna mingħajr il-ħtieġa li jinħareġ mid-dar tal-ġenituri tiegħu, filwaqt li l-minuri se jkunu qegħdin jinstemgħu f’post apparti addattat għalihom.

Waqt il-konferenza ġie spjegat li l-għan aħħari se jkun li tingħata stabbiltà u permanenza għat-tfal li jibdew jgħixu f’residenza alternattiva.

Dawn il-bidliet se jkunu qed jidħlu fis-seħħ b’mod gradwali, u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali se jkun qed jinforma lill-pubbliku hekk kif isiru dawn il-bidliet.