Mill-1 ta’ Jannar tieqaf l-importazzjoni tal-plastik li jintuża darba biss

Read in English.

L-importazzjoni ta’ prodott tal-plastik li jintuża darba biss se tkun ipprojbita minn nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Jannar 2021, wara li ntemm perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.  Illum se jiġu ppubblikati l-avviżi legali biex din il-projbizzjoni tidħol fis-seħħ.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, li spjega li Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi li se tkun qed twaqqaf l-importazzjoni ta’ numru ta’ prodotti magħmulin minn plastik li jintuża darba biss. Din se tapplika għall-basktijiet tal-plastik, pożati, straws, platti, cotton buds, kontenituri tal-ikel, u ħawwada tax-xorb. 

Il-Ministru Farrugia qal li din il-miżura qed tidħol fis-seħħ skont il-pjan imħabbar minnu fix-xhur li għaddew.  Huwa stqarr li wasal iż-żmien li nagħtu t-tweġibiet lit-tfal tagħna billi nieħdu azzjoni għall-iskart fuq il-bajjiet, għall-gawwi mejjet fuq ix-xtajtiet kaġun ta’ plastik li jkun kiel, għal fkieren tal-baħar maqbudin f’basktijiet tal-plastik.

Is-sena 2021 se tkun waħda ta’ tranżizzjoni għal Malta fejn fl-2022, il-projbizzjoni fuq plastik li jintuża darba jitwaqqaf milli jinbiegħ fis-swieq Maltin.

Il-Ministru Farrugia sostna li rridu nkomplu naħdmu biex jonqos t-tniġġiż, u titnieda l-istrateġija għat-tibdil fil-klima, titjieb il-kwalità tal-ħajja, l-ekosistema, il-bijodiversità, b’iktar miżuri, azzjonijiet, u riżultati tanġibbli.