Miljuni ta’ tfal se jingħaqdu biex jgħidu t-talba tar-rużarju – ACN

Miljuni ta’ tfal madwar id-dinja kollha se jkunu qed jingħaqdu biex nhar il-Ħadd 18 ta’ Ottubru fid-9am jew l-għada t-Tnejn 19 ta’ Ottubru jgħidu t-talba tar-rużarju flimkien.

Fi stqarrija, l-Aid to the Church in Need (ACN) qalet li se tkun qed torganizza din l-inizjattiva madwar id-dinja kollha għat-tielet sena konsekuttiva.

L-ACN f’Malta qed tistieden lill-ġenituri, għaliiema, saċerdoti u sorijiet u lil dawk kollha responsabbli mit-tfal biex jieħdu sehem f’dan l-avveniment, imsejjaħ “Miljun tifel u tifla madwar id-dinja jitolbu r-Rużarju għall-għaqda u l-paċi”. 

Id-Direttur Nazzjonali tal-ACN (Malta) Stephen Axisa spjega kif l-għan prinċipali ta’ din il-kampanja ta’ talb hu l-għaqda u l-paċi madwar id-dinja kollha.”

Skont Patri Martin Barta, l-Assistent Ekkleżjastiku Internazzjonali tal-Aid to the Church in Need, “f’ħafna pajjiżi, u b’mod partikolari t-tfal, qed ibatu mill-effetti tal-gwerra kif ukoll tal-persekuzzjoni kontra l-Kristjani.” Hu jemmen li l-kampanja tar-Rużarju hi opportunità tajba biex it-tfal ukoll jesprimu s-solidarjetà tagħhom ma’ tfal oħrajn li qed ibatu. F’din il-kampanja tal-Knisja dinjija, tfal minn 80 pajjiż se jipparteċipaw.

Il-kampanja tar-Rużarju tat-tfal inbdiet fl-2005 fil-belt kapitali tal-Venezwela, Karakas. Waqt li numru ta’ tfal kienu qed jitolbu r-Rużarju quddiem statwa tal-Madonna fil-kampanja, bosta persuni preżenti ftakru f’dak li kien qal San Padre Pio: “Meta miljun tifel u tifla jitolbu r-Rużarju, allura d-dinja tinbidel.” Il-kampanja malajr infirxet mad-dinja kollha. L-ACN ilha tappoġġja din il-kampanja sa mill-2008 u ħadet f’idejha l-organizzazzjoni kollha ta’ dan l-avveniment sentejn ilu.

Jekk tixtieq torganizza din l-inizjattiva f’Malta tista’ tagħmel użu minn materjal apposta ppreparat minn ACN Malta. Dan tista’ taċċessah minn hawn. Għal aktar tagħrif tista’ tibgħat email fuq info@acnmalta.org, jew ċempel fuq 21487818.