“Miljuni misruqa min-nies” – Delia; “L-istess għażla minkejja nuqqasijiet” – Muscat

Fil-bidu tas-seduta Parlamentari llejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa lill-Prim Ministru Joseph Muscat jekk kellux stqarrija x’jagħmel wara li investigazzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kkonkludiet li l-prezz tal-Interconnector huwa €50.64 kull megawatt kull siegħa, irħas mill-prezz tal-enerġija ġġenerata mill-Electrogas.

Huwa qal li dan ifisser miljuni ta’ ewro fis-sena misruqa minn bwiet il-poplu. Delia qal li r-rapport ta’ 500 kelma jgħid li l-proċess tal-għażla għall-bini ta’ powerstation ġdida kien mittiefes mill-bidu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li r-rapport tal-NAO jgħid li l-applikanti ma ġewx stmati l-istess.

Il-Prim Ministru rribatta billi qal li l-konklużjonijiet li wasal għalihom l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kien ibbażati fuq perjodu fejn il-powerstation kienet qed tuża’ ‘open cycle’ kif kien miftiehem u allura mhux komparabbli mal-prezz li bih qed tkun iġġenerata l-enerġija llum.

Huwa qal li minkejja r-rapport ħareġ 30 minuta qabel il-ftuħ tas-seduta u għadu ma ġiex analizzat, kellu indikazzjoni li minkejja nuqqasijiet fil-proċess tal-għażla, ir-rapport xorta jasal għal konklużjoni li l-proċess kien iwassal għall-istess għażla minkejja dawn in-nuqqasijiet.

“L-NAO ġab fix-xejn il-gideb tal-Oppożizzjoni”

Id-deputat Laburista Rosianne Cutajar qalet li l-Awditur Ġenerali ġab fix-xejn il-gideb tal-Oppożizzjoni dwar il-bini tal-power station tal-Electrogas.

Waqt l-aġġornament, Cutajar qalet li  l-Uffiċċju ta’ Verifika ddeskriva l-proġett bħala ‘blueprint u goodpractice ta’ fairness’.

Hija qalet li l-Awditur jinnota li l-proċess kien wieħed kompettiv, mibni fuq struttura tajba, ġusta u trasparenti fejn għall-ewwel darba, il-kuntratt ġie offrut lill-bidders kollha bħala parti mill-proċess tat-tender. “L-Awditur irrimmarka li dan wassal biex tinħoloq għodda tajba fejn il-kumitat ta’ evalwazzjoni mexa tajjeb u b’eżatezza”, żiedet tgħid.

Hija qalet li dan hu ċertifikat pożittiv li jingħaqad ma’ dak li qalet il-Kummissarju Ewropea Margrethe Vestager li saħqet li l-Kummissjoni Ewropea approvat dan il-proġett bħala ground-breaking u li neħħiet kull dubju u inċertezza li setgħet inħolqot kontra l-bini tal-powerstation.

Cutajar ammetiet li l-awditur ġibed l-attenzjoni għal numru ta’ nuqqasijiet amministrattivi iżda li ma kellhom l-ebda effett fuq l-għażla finali.