Miljuni jingħaqdu fi strajk ġenerali fil-Venezuela

Miljuni ta’ persuni fil-Venezuela ngħaqdu fi strajk ġenerali imsejjaħ mill-Oppożizzjoni tal-pajjiż hekk kif qed tkompli tiżdied il-pressjoni fuq il-President Nicolás Maduro.
Waqt l-istrajk saru dimostrazzjonijiet li matulhom kien irrapurtat xi ġlied li fihom mietu minn tal-inqas tliet persuni. Aktar minn 300 persuna oħra ġew arrestati.
Min-naħa tiegħu, il-President Maduro qal li dan l-istrajk ma jfisser xejn u wiegħed li l-mexxejja tiegħu se jkunu arrestati.
Minn April, meta l-protesti kontra l-President żdiedu, mietu minn tal-inqas 100 persuna.
Minkejja dak li qal il-President, l-Oppożizzjoni qalet li 85% tal-pajjiż ingħaqad fl-istrajk.
Id-dimostranti għalqu t-toroq tal-kapitali Caracas u bliet oħra biż-żibel u bl-għamara biex żgur iwaqqfu l-ħajja. Iżda f’partijiet oħra ta’ Caracas, li fihom Maduro għad għandu sapport, il-ħajja kompliet normali.
Maduro ilu hawn dawn l-aħħar snin ikun akkużat mill-Oppożizzjoni tal-pajjiż li wassal għall-kriżi ekonomika li għaddejja minnu l-Venezuela.
L-aħħar strajk ġenerali ssejjaħ wara li Maduro sejjaħ referendum biex jifforma kostituzzjoni ġdida tal-pajjiż.
Hu qed jgħid li kostituzzjoni ġdida twassal għall-paċi fil-Venezuela, iżda l-Oppożizzjoni qed tisħaq li din hi mossa tal-President biex idum aktar biex isejjaħ elezzjoni.