Miljuni f’ġojjelli misruqa mir-Ritz f’Pariġi

Huwa stmat li b’madwar €4 miljun ġojjelli nsterqu lbieraħ mil-lukanda lussuża f’Pariġi minn 5 persuni.
Is-serqa seħħet għall-ħabta tas-6pm, xħin il-persuni faqgħu b’mannara l-ħġieġ tal-ħanut tal-ġojjellerija fir-Ritz Hotel.
Fortunatament is-serqa ntemmet f’nofsha minn pulizija li kien qed jagħmel ir-ronda ta’ kuljum, u tlieta minn dal-ħamsa ġew arrestati, iżda t-tnejn l-oħra ħarbu b’muturi.
Aktarx li l-flus jinsabu għand dawn li rnexxielhom jaħarbu, għax skont il-midja Franċiża għadu mhux magħruf jekk hemmx xi partijiet minn dawn il-miljuni misruqa rekuperati mill-Pulizija.
Il-lukanda lussuża ta’ 5 stilel tinsab f’distrett storiku ta’ Pariġi, u passejn ’il bogħod mill-Ministeru għall-Ġustizzja.
Il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Pariġi u anki l-Ministru għall-Intern irringrazzjaw lill-Pulizija, u rrimarkaw li li kieku ma kenx għalihom il-ħallelin kienu jaħarbu kollha.
Fil-fatt xhieda fuq il-post tal-inċident qalu li kien hemm preżenza qawwija ta’ uffiċjali.