1.5 miljun persuna fl-Italja bl-antikorpi tal-coronavirus

Reuters

Madwar 1.5 miljun persuna fl-Italja, jew kważi 2.5% tal-popolazzjoni, żviluppaw antikorpi għall-coronavirus, ċifra li hija sitt darbiet aktar min-numru ta’ każijiet rappurtati, skont stħarriġ li sar mill-aġenzija nazzjonali tal-istatistika, l-Istat.

Dan l-istħarriġ, li sar flimkien mal-Ministeru tas-Saħħa, kien ibbażat fuq testijiet fuq l-antikorpi li saru fuq 64,660 persuna.

Iċ-ċifri uffiċjali juru 248,229 każ ta’ COVID-19 ikkonfermat fl-Italja, b’35,166 mewt.

L-istħarriġ sab differenzi ċari fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Lombardija, fejn l-epidemija faqqgħet l-ewwel fi Frar, fejn 7.5% irriżultaw pożittivi għall-antikorpi tal-coronavirus, meta mqabbla ma’ biss 0.3% fi Sqallija.

L-istess stħarriġ sab li 30% tal-persuni bl-antikorpi kienu asintomatiċi, li jagħti xhieda tar-riskju li l-marda tinxtered minn persuni li ma jkunux konxji li qed iġorru l-coronavirus.