Miljun tifel u tifla l-ħabs għal reati żgħar

L-Aġenzija Fides żvelat li madwar id-dinja hemm madwar miljun tifel u tifla li qed jgħixu f’ħabsijiet f’ċelel mal-adulti jew f’ċentri ta’ detenzjoni għall-minuri għax akkużati b’reati żgħar.
Lil dawn it-tfal, jingħatawlhom biss tazza te iswed mingħajr zokkor u platt ross u minbarra l-kundizzjonijiet ħżiena li fihom jgħixu, l-Aġenzija Fides qalet li l-parti l-kbira tagħhom jispiċċaw saħansitra vittmi ta’ abbuż sesswali.
Fi Sjerra Leone, li torqod barra fit-triq hu meqjus reat u ħafna tfal qed jispiċċaw maqfula f’ċella meta kull ma għandhom bżonn hu ftit għajnuna.
Fil-Kenja, mal-2,000 tifel u tifla jinżammmu mill-awtoritajiet għax bla dar jew bla xogħol, waqt li mal-500 oħra m’għandhomx familja u mas-600 oħra jittallbu fit-toroq.
Hu għalhekk, spjegat l-Aġenzija Fides, li l-Misiones Salesianas nediet kampanja biex tqajjem iktar għarfien dwar il-kundizzjonijiet ħżiena li fihom jgħixu għadd ta’ tfal f’pajjiżi li jinkludu l-Filippini, l-Indja u l-Brażil.