Miljun persuna se jieħdu sehem fil-marċ f’Pariġi

Diversi mexxejja minn madwar id-dinja qed jinġabru f’Pariġi biex jieħdu sehem fil-marċ li se jsir bil-għan li tintwera l-għaqda wara tlett ijiem ta’ terrur li ħallew 17-il persuna mejta.
Madwar 40 mexxej dinji mistennija jattendu għal dan il-marċ fosthom anke l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.
Dan minbarra li lbieraħ mas-700,000 persuna ħarġu fit-toroq jipprotestaw kontra dak li seħħ.
Il-marċ se jibda’ fit-3:00p.m. minn Place de la Republique, b’miljun persuna mistennija jieħdu sehem.
2,000 pulizija u 1,350 suldat jinsabu fil-kapitali Franċiża biex jipproteġu lil dawk li ħerġin fit-toroq.
Il-Pulizija Franċiża għadha għaddejja bi tfittxijiet għal dawk kompliċi mal-aħwa li attakkaw ir-rivista satirika.
Qed tfittex ukoll lit-tfajla Hayat Boumeddiene, jiġifieri t-tfajla ta’ wieħed mill-aggressuri li nqatlu mill-Pulizija stess hekk kif daħlu fis-supermarket f’Pariġi.