Militanti Iżlamiċi jattakkaw lukanda; mill-inqas 15 mejta

Mill-inqas 15-il persuna sfat mejta wara li militanti Iżlamiċi tal-grupp al-Shabab attakkaw lukanda fil-belt kapitali Somala, Mogadishu.
Persuni armati wżaw vettura mimlija splussivi biex daħlu fil-lukanda Sahafi, fejn imbagħad splodew il-bini kollu.
Fost il-vittmi hemm mill-inqas Membru Parlamentari u l-ġeneral li fl-2012 keċċa lill-militanti ta’ al-Shabab ‘il barra minn Mogadishu.
Il-forzi tal-gvern saħqu li reġgħu ħadu kontroll tal-lukanda wara ħafna sparar. Il-lukanda hi popolari fost il-membri parlamentari Somali.
Il-militanti kellhom fil-mira tagħhom pajjiżi tal-viċin ukoll, fejn fost oħrajn qatlu kwazi 150 persuna fl-Università ta’ Garissa f’Kenja f’April li għadda.