Militant Taljan għall-Italja wara li ħarab mill-ħabs fl-1981

REUTERS/Nacho Doce/File Photo

Eks–gwerrillier tax-xellug Taljan Cesare Battisti li kien instab ħati ta’ qtil fl-Italja, ġie arrestat fil-Bolivja u se jkun estradit lejn l-Italja skont Uffiċjal Brażiljan.

Uffiċjal għoli għall-affarijiet barranin li jaħdem mal-President Brażiljan Jair Bolsonaro qal fi Tweet li Battisti se jkun qed jasal daqt fil-Brażil u minn hemm se jkun qed jiġi trasferit lejn l-Italja biex jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Battisti ilu mfittex mill-Italja wara li nstab ħati ta’ qtil ta’ erba’ persuni fis-sebgħinijiet.

Fl-1981 huwa ħarab mill-ħabs u għex fi Franza qabel ma ħarab lejn il-Brażil biex jevita li jiġi estradit lejn l-Italja.

Huwa għex il-Brażil bħala refuġjat fi żmien l-eks President Luiz Inacio Lula da Silva. Iżda Bolsonaro kien wiegħed li jibgħatu lura lejn l-Italja bil-Qorti Suprema Brażiljana li ordnat l-arrest tiegħu f’Diċembru.

Id-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini rringrazzja lill-Pulizija u dawk kollha involuti fil-qbid ta’ Battisti.

Salvini rringrazzja lill-President Jair Bolsonaro u lill-Gvern ġdid fil-Brażil talli bidlu l-klima politika.

L-ambaxxatur Taljan fil-Brażil fi Tweet qal “Battisti inqabad, id-demokrazija hi iktar b’saħħitha mit-terroriżmu”.