Militant tal-ISIS jikkonverti wara li ltaqa’ ma’ Ġesù f’ħolma

Militant tal-Istat Iżlamiku, li qatel għadd ta’ nsara, ikkonverta għall-Kristjaneżmu wara li ltaqa’ ma’ Ġesù fil-ħolm.
Grupp missjunarju fil-Lvant Nofsani spjega li meta ltaqa’ ma’ dan l-eksmilitant, ammetta li kien jieħu gost joqtol, sakemm beda joħlom b’raġel liebes l-abjad li kien jgħidlu li qed joqtol lill-poplu tiegħu.
Fuq l-istazzjon tar-radju The Voice of the Martyrs Radio Network, waħda mill-missjunarji qalet li wara din il-ħolma, l-eksmilitant beda jħossu ma jiflaħx u skomdu b’dak li kien qed jagħmel.
Żiedet tgħid li darba ngħata ktieb tal-Bibbja minn raġel nisrani ftit qabel ma kien se jinqatel. Il-ktieb ħadu u qrah.  F’ħolma oħra, Ġesù qallu biex isegwih.
Il-grupp missjunarju qal li dan hu eżempju ta’ kemm mhux impossibbli li l-militanti tal-ISIS jikkonvertu.