Milied mill-aqwa għall-Bethlehem din is-sena

Jidher li din is-sena l-belt Palestinjana ta’ Bethlehem se jkollha l-aktar staġun ta’ suċċess tal-Milied ta’ dawn l-aħħar snin hekk kif fetħu bosta lukandi ġodda bil-ħinijiet aktar twal għall-Knisja tan-Natività fejn l-Insara jemmnu li twieled Ġesù.

Kemm is-sindku tal-lokalità kif ukoll is-sidien tal-lukandi qed jgħidu li anki wara tliet snin ta’ paċi u prospertà fil-belt, xi nies għadhom ftit nervużi biex imorru fil-belt li tinsab biss ftit mili fin-nofsinhar ta’ Ġerusalemm.

Iżda issa fil-belt hemm it-tama li din is-sena Bethlehem tmur tajjeb ħafna u s-Sindku Anton Salman qed iħares b’ottimiżmu lejn il-ġranet li ġejjin fejn jittama li jkun hemm aktar mill-miljun u nofs ruħ li żaru l-belt is-sena l-oħra.

Il-Knisja tan-Natività — il-mira ta’ kull pellegrin f’Bethlehem

Salman qal li f’dawn l-aħħar tliet snin l-affarijiet jidhru li sejrin tajjeb ħafna, b’din is-sena tkun aktar tajba mill-2018, li terġa’ u tgħid kienet ferm aħjar mis-sena ta’ qabilha. Kull sena żdiedu t-turisti f’numru dejjem akbar.

L-unika problema li hemm, jgħid bi tbissima s-sindku, hu li l-bieb tal-Knisja tan-Natività, minn fejn jidħlu l-pellegrini, hu kemxejn żgħir. Żmien ilu kien aktar kbir imma l-ewwel naqqsuh il-kruċjati u mbagħad ukoll fiż-żmien meta kien hemm it-Torok biex ma jħallux ħallelin jidħlu bil-karettuni fil-knisja biex jisirqu kulma jsibu fiha.

Il-bieb ċkejken tal-Knisja tan-Natività

Għall-ewwel din is-sena l-awtoritajiet tal-post żiedu l-ħinijiet tad-dħul fil-knisja minn sbieħ il-jum sat-8pm. Is-sena d-dieħla hemm il-ħsieb ukoll li jkabbru t-terminus ta’ fejn jinżlu l-kowċis bil-viżitaturi u jaraw kif jagħmlu biex isibu tard tal-konġestjoni li jkun hemm bil-karrozzi fit-triq li tagħti għall-Pjazza tal-Maxtura.

Il-maniġer tal-lukanda Alexander Hotel, Joe Canavati, qal li l-lukanda hi bbukkjata sal-2021. U issa l-ħsieb hu li jkabbruha minn 58 għal 110 kamra.