Milied Flimkien: “Ftakru f’dawk li ma jistgħux igawdu l-Milied”

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lil kulħadd biex jiftakar f’dawk li ma jistgħux igawdu l-Milied bħal oħrajn minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom.
F’attività tradizzjonali li ssir kull sena fil-Belt Valletta, il-mexxejja ta’ Malta ppreżentaw il-messaġġi tagħhom għal żmien il-Milied.
L-Arċisqof spjega li għandna naħfru u nġibu l-paċi f’kull ċirkostanza waqt li spjega li l-maħfra u l-paċi huma rigal ta’ Alla.
Kompla billi qal, “Paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Il-paċi huwa rigal tal-Mulej, huwa effett tal-maħfra tiegħu, tal-maħfra li ngħaddu lil xulxin, wieħed lill-ieħor, waħda lill-oħra”.
Fl-attività li ġġib l-isem ‘Milied Flimkien’, il-Prim Ministru Joseph Muscat ta importanza lix-xogħol li twettaq il-Community Chest Fund fejn spjega li din tilħaq nies li s-sistema soċjali għal xi raġuni ma tilħaqhomx.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar it-tama li ġab Kristu lil bniedem fis-sempliċità u l-umiltà u sejjaħ biex il-politiċi jaħdmu flimkien ħalli l-pajjiż jaħseb f’dawk li huma vulnerabbli.
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rapprezentati Dr Anglu Farrugia saħaq fuq l-importanza li l-Membri Parlamentari jagħrfu jużaw kliemom biex ir-rispett jidher anki fost il-poplu.