Milied fil-Misraħ b’risq Puttinu

Read in English.

Is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija Mqabba se jkunu qed jorganizzaw tlett ijiem ta’ attivitajiet b’risq Puttinu Cares bejn nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru u l-Ħadd 1 ta’ Diċembru.

Milied fil-Misraħ tibda t-tlett ijiem ta’ attivitajiet il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru permezz ta’ battalja mużikali bejn rappreżentanti ta’ Puttinu u dawk tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija Mqabba. Dan l-avveniment se jittella’ bejn is-7pm u l-11pm.

Matul din is-serata se jkun hemm ukoll l-ikel servut u għal dan il-jum biss se jkun hemm ukoll il-bouncy castle li għat-tfal se jkun b’xejn.

Is-Sibt 30 ta’ Novembru

L-ispettaklu f’dan il-jum jittella’ bejn is-6.30pm u l-11.30pm. Artisti bħal Giulia Vella Micallef, Leanne & Kelsey Carabott, Freestyle Dancers, Mariah Briffa, Teo Zammit, Mariah, Ben Purple, Joe Demicolo, Marija Dijnovic u Sterjo Tipi huma wħud mill-artisti li se jkunu qed jagħtu sehimhom.

Se ssir ukoll dawra bil-ferrovija madwar is-siti storiċi fl-Imqabba hekk kif dawn jinbidlu fi presepju ħaj. Dawn il-postijiet jinkludu Ġnien it-Tfal, il-Katakombi, l-Isptar il-Qadim, u l-Kappella tad-Duluri.

Il-ferrovija se tkun qed topera kull siegħa. Dawk li se jagħmlu użu minn din il-ferrovija jridu jibbukkjaw minn qabel.

Se jkun hemm ukoll area għat-tfal fejn se jkun hemm il-bouncy castle, fun bus, il-photo booth kif ukoll il-kamta’ Father Christmas.

Il-Ħadd 1 ta’ Diċembru

Il-jum tal-Ħadd se jibda bil-bike ride li tibda minn Triq il-Gardiel f’Wied il-Għajn u tispiċċa f’Misraħ il-Fidwa fl-Imqabba. Se jkun hemm ambulanza li se ssegwi lill-parteċipanti.

Bejn id-9.30am u l-4.30pm se jitwassal spettaklu bis-sehem għadd ta’ artisti li jinkludu lil Freestyle Dancers, Santa Marija Youth Band, Eleanor Cassar, Mariah Spiteri, Hypnotic Dancers, Keith Dance Studios, Claudine Zahra, Lara Galea u Megan Caruana.

Fis-2.15pm se jkun hemm ukoll il-wirja ta’ Tony Farrugia u Mr. Cool li se jkunu qed jiġbdu trakk.

Bejn it-3.30pm u l-4.30pm se jkun hemm spettaklu mtella’ minn Pro-Wrestling Malta.

Se jkun hemm ukoll wirja tal-klieb tal-pulizija mtella’ mill-K9 Unit.

Anki f’dan il-jum se jkun hemm il-ferrovija li se tkun qed topera. Il-ħinijiet huma bejn -10am u t-3pm.

Matul dawn it-tlett ijiem ta’ attivitajiet se jkunu qed jinġabru flus b’risq Puttinu Cares.