Milħuq ftehim għar-restawr tal-pjazza f’Għajnsielem

Intlaħaq ftehim mal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Loretu ta’ Għajnsielem fejn il-Ministeru ta’ Għawdex ta għotja biex isir restawr fuq iż-żuntier u l-pjazza.
Il-Ministeru għal Għawdex se jkun qiegħed jiffinanżja l-materjal neċessarju għal dan il-proġett li jiswa madwar €106,000.
Dan se jkun qed jinkludi fost l-oħrajn, it-tibdil tal-pavimentar, titjib fl-aċċessibilità u l-installazzjoni ta’ dawl bl-LED.
Il-ftehim kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex, John Borg, mill-Arċipriet ta’ Għajnsielem Dun Frankie Bajada u l-amministratur tal-Kurja ta' Għawdex Victor Gusman fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
Il-Ministru qal li dan il-ftehim intlaħaq fi żmien meta l-Parroċċa Madonna ta’ Loretu qegħda tfakkar il-25  sena mill-konsagrazzjoni tal-Knisja Arċipretali.
Anton Refalo fakkar l-impenn tal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech biex sar dan il-ftehim.
Ħabbar li proġett ieħor li se jsir huwa dak tas-Santwarju ta’ Pinu.