Mil-lum toħroġ il-karta ġdida tal-€20

Il-karta tal-€20 ġdida bdiet tiċċirkola, anke f’Malta, mil-lum.
Il-karta hi simili fid-disinn għall-€10 u l-€5 ġodda li nħarġu iktar kmieni, u bħalhom għandha kuluri iktar qawwija u dettalji ta’ sigurtà li jagħmluha iktar diffiċli biex tiġi ffalsifikata.
Id-dettall prinċipali hu dak li qed jissejjaħ “tieqa bil-wiċċ” fin-naħa ta’ fuq tal-ologramma, li ssir trasparenti meta tħares lejha kontra d-dawl.
It-tieqa fiha xbieha ta’ wiċċ il-figura tal-mitoloġija Griega, Europa, li tidher miż-żewġ naħat tal-karta. Ix-xbieha tidher ukoll fil-watermark flimkien ma’ numru aħdar żmerald li, bħal fil-każ taż-żewġ karti l-oħra ġodda, juri effett tad-dawl miexi ’l fuq u ’l isfel meta tmejjel il-karta tal-flus.
Il-Bank Ċentrali Ewropew avża li l-karti fiċ-ċirkolazzjoni, tal-€20 kif kellna s’issa, se jibqgħu valuta legali imma bil-mod il-mod jinqatgħu miċ-ċirkolazzjoni.
Mil-lum ukoll, tiftaħ kompetizzjoni onlajn għat-tfal ta’ bejn id-9 u t-12-il sena li joqgħodu fil-pajjiżi bil-munita ewro. Il-kompetizzjoni hi fil-forma ta’ logħba b’livelli differenti, u jwieġbu mistoqsijiet ħfief dwar il-karti u l-muniti tal-ewro. Il-mitt parteċipant bl-ikbar għadd ta’ punti jirbħu karta ġdida tal-€20 magħluqa fi kwadru.
Il-kompetizzjoni tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ Frar.