Mil-lum tista’ tniżżel l-app tal-contact tracing

Read in English.

Illum se titnieda app ġdida għall-contact tracing tal-Covid-19 f’Malta, bil-għan li min jużaha jkun jaf jekk kienx f’kuntatt qrib ta’ persuna li aktar tard tirriżulta pożittiva għall-virus.

L-app, bl-isem Covid Alert Malta, hija kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u se tkun qed tuża l-Bluetooth mingħajr ma tiġbor informazzjoni dwar l-utent tal-mowbajl. Din l-app ġiet żviluppata mill-awtoritajiet tas-saħħa, mill-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali. Se tkun tista’ titniżżel mill-App store tal-Apple u mill-Google Play.

Sa issa, il-contact tracing kien qed isir biss b’mod manwali minn għadd ta’ voluntiera li jċemplu lin-nies biex jinfurmawhom li kienu f’kuntatt ma’ pazjent pożittiv. Madanakollu, din l-app mistennija tikkumplimenta u mhux se tieħu post il-metodu konvenzjonali.

Id-dettalji dwar din l-app ingħataw mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza dalgħodu.

Kif taħdem din l-app?

  • Il-persuna trid tniżżel l-app b’mod volontarju
  • Se tkun qed iżżomm dettalji ta’ prossimità bejn l-utenti li għandhom l-app installata: jekk tkun ħdejn persuna pożittiva għal aktr minn 15-il minuta u tkun imbiegħed minnha inqas minn żewġ metri
  • Tinforma lil utent immedjatament hekk kif tiġi kkonfermata infezzjoni ta’ xi ħadd li kien qrib tiegħu
  • Utenti pożittivi jingħataw Covid Code biex itellgħu l-informazzjoni b’mod anonimu
  • Taħdem ukoll meta l-kuntatt ma jkunx magħruf mill-persuna pożittiva
  • L-għan tagħha hu li tikser ċrieki ta’ infezzjonijiet
  • Tnaqqas l-impatt fuq l-isptar u ċ-ċentri tas-saħħa
  • Tippreserva l-privatezza u konformi mal-GDPR

Aktar dettalji dwar l-app jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit covidalert.gov.mt. Wieħed jista’ wkoll jibgħat imejl fuq covidalert@gov.mt

Se tkun qed tniżżel din l-app?

Iktbilna hawn taħt jew ibgħat imejl fuq info@newsbook.com.mt