Mil-lum tista’ terġa’ tara Għada Jisbaħ Ukoll

Lucy u Tereża

Minflok is-sensiela Sorelle li ntemmet nhar Il-Ħamis li għadda, mil-lum fit-3pm TVM se jerġa’ jibda jxandar is-sensiela li oriġinarjament kienet intweriet fl-2004.

Is-sensiela nkitbet minn Ġorġ Peresso fuq addattament ta’ Caro Domani li Pupi Avati kien ħadem għall-istazzjon SAT 2000 fis-sena 1999.

F’din is-sensiela niltaqgħu ma’ Rina, tfajla universitarja Għawdxija, nieżla Malta bil-karozza tagħha. Minn ħarsitha tidher li għandha xi ħaġa li qed tħassibha. Meta jċempel il-mowbajl ma tweġbux. Donnha dik it-telefonata kienet iddejjaqha. Tiftaħ ir-radju fejn ta’ kuljum il-ħabiba tagħha, Ġulja xxandar programm ta’ diski u taqsam ftit ħsibijiet mas-semmiegħa.

Ġulja tgħix għar-radju. Fost ħafna semmiegħa li jsegwuha hemm Philip li fl-uffiċċju ma jitfix ir-radju. Sieħbu jinkih li ma tantx jinteressah minn dak li ddoqq u minn dak li tgħid. Tinteressah hi għax leħinha jħollu.

Il-programm tagħha jkun segwit ukoll fil-hostel fejn toqgħod. Dar antika, l-uniku wirt sew li ħadet is-sinjura Tereża minn wirt li kważi sfaxxa fix-xejn ta’ familja tat-tajjeb. Fil-fatt is-sinjura Tereża żżomm xi tfajliet magħha li jħallsuha talli joqogħdu hemm biex tkun tista’ tlaħħaq mal-ispejjeż.

Martina, bint Tereża, studenta universitarja, tisma’ lill-ħabiba tagħha Ġulja fuq ir-radju li dakinhar kellha taqralha poeżija. Martina hi aktar moħħha fil-kitbiet tagħha milli biex tlesti t-teżi. Ix-xewqa tagħha hi li xi darba tippubblika rumanz jew ktieb ta’ poeżiji.

Tereża tidħol u titfi r-radju. Tgħid lil bintha li Rina kellha ġġib lil ħabiba tagħha tgħix magħha għal ftit taż-żmien u kellha tiġi toqgħod magħhom ukoll Auntie Lucy, sakemm oħtha li kienet toqgħod magħha, issiefer għal ġimgħa Lourdes.  Lucy hi xebba tal-istess età ta’ Tereża u l-akbar ħabiba tagħha għax jafu s-sigrieti ta’ xulxin. Lucy hi ftit eċċentrika u l-ħolm tagħha tagħmlu realtà, iżda qalbha f’idha u mhux darba u tnejn li toħroġ b’osservazzjonijiet li jolqtu fil-laħam il-ħaj.

Meta jċempel Mark, in-namrat ta’ Rina, twieġeb Martina u tgħidlu li ma tafx fejn hija Rina. Rina tħossha mdejqa miegħu għax tħoss li jrid jikkontrollalha ħajjitha.

Għada Jisbaħ Ukoll se jkun qed jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-3pm b’repetizzjoni dakinhar stess fil-11.25pm u l-għada filgħodu fis-6.15am. Il-ħames puntati ta’ matul Il-ġimgħa jixxandru mill-ġdid wara xulxin is-Sibt mill-11am ‘il quddiem fuq TVM2.