Mil-lum tista’ taqbel jew ma taqbilx dwar iċ-ċaqlieq fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali

Illum bdiet il-konsultazzjoni dwar iċ-ċaqlieq biex l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali flimkien ma’ dawk tal-elezzjonijiet Ewropew.
Dan ifisser li l-Kunsilli Lokali preżenti se jkollhom terminu ta’ seba’ snin.
Fi kliem il-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li jekk iż-żewġ elezzjonijiet jiġu mċaqalqa u jsiru flimkien, mistennija jkun hemm żieda fil-parteċipazzjoni tal-votanti, se jiġu ffrankati madwar €2 miljun u anke biex ma jkunx hemm għejja elettorali.
Il-Ministru Bonniċi qal li l-flus iffrankati mill-elezzjonijiet se jmorru direttament għand il-Kunsilli Lokali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li tul l-amministrazzjoni preċedenti kien hemm elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li ġew posposti.  Semma fost l-oħrajn li l-elezzjonijiet tal-2010 ġew posposti għall-2012.
Il-Ministru Bonnici żied jgħid li hu ma jaħsibx li l-Kunsilli Lokali se jiddgħajfu għax l-elezzjoni se tigi estiża b’seba’ u mhux b’ħames snin.
F’dawn l-erba’ ġimgħat mistennija jsiru laqgħat ukoll mal-Kumitat Eżekuttiv għall-Kunsilli Lokali u mat-tliet partiti politiċi ewlenin kif ukoll mar-rappreżentanti taż-żgħażagħ tal-Vot 16.
Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni se jintemm fis-27 ta’ Settembru 2014.
Dwar ir-referendum tal-kaċċa, il-Ministru Bonnici qal li m'għandu xejn x'jaqsam mal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali għaliex għandu liġi għalih u l-Gvern se jirrispettaha.

Reazzjoni Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista
F’reazzjoni għal dan, il-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) qal li jekk il-gvern hu tassew serju u ġenwin fl-intenzjonijiet tiegħu, kien jibda l-proċess xhur ilu u mhux biss ħames xhur qabel huma skedati li jsiru t-tali elezzjonijiet.
Żied jgħid li din il-materja ħarġet fil-pubbliku biss meta l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kixef x’kien qed iħejji l-gvern wara l-kwinti.
Il-KKLPN jemmen li l-pożizzjoni tal-gvern tkompli toħloq atmosfera ta’ inċertezza fost sindki, kunsilliera u kandidati prospettivi, li għandhom kull dritt ikunu jafu x’inhi l-pożizzjoni tal-gvern.
Sostna li jsibha ironika li l-gvern qed iħejji l-pjanijiet biex jikkonsulta dwar jekk  għandhiex issir elezzjoni , li hi l-aqwa forma ta’ konsultazzjoni.