It-tabib issa jista’ jordnalek it-testijiet onlajn

Miguela Xuereb

Il-Ministru għas-saħħa Chris Fearne nieda estensjoni għall-pjattaforma myHealth fejn issa, it-tobba se jkunu jistgħu jidħlu fuq il-pjattaforma u jordnaw xi testijiet tad-demm li jkollhom bżonn il-pazjenti.

Din il-pjattaforma hija mmirata lejn il-pubbliku biex tagħmlilhom ħajjithom aktar faċli kif ukoll lejn it-tobba biex ikollhom rekords aħjar tal-pazjent. Il-pazjenti issa se jkollhom aċċess għall-vaċċini li ħadu magħtul is-snin u xi oħrajn li jkun imisshom jieħdu. Se jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ukoll id-dettalji tal-kundizzjonijiet mediċi personali u dettalji oħrajn relatati mal-persuna.

Skont il-Ministru Fearne, bħalissa hemm ‘il fuq minn 50,000 pazzjent li diġà qed jużaw din il-pjattaforma. Eventwalment, il-pazjenti se jkunu wkoll jistgħu jaċċessaw ir-rekords mediċi tagħhom ta’ matul is-snin li għaddew.

Skont it-tabib Sciortino, permezz ta’ din il-pjattaforma ħajjet il-pazjent se tkun aktar faċli. It-tobba se jkunu jistgħu jieħdu ħsieb ta’ dak kollu li l-pazjent se jkun jeħtieġ mingħajr ma jiltaqgħu minħabba li l-informazzjoni se tkun aċċessibli onlajn. Sciortino qal li l-informazzjoni li wieħed se jkollu fuq il-pjattaforma huwa bżonnjuż biex il-professjonisti kkonċernati jkunu jafu d-dettalji biex jissalvagwardjaw ħajjet il-pazjent.