Mil-lum pieni iktar ħorox għal min jikkaċċja għasafar protetti

Mil-lum il-pieni għal dawk li jinqabdu jikkaċċjaw għasafar protetti se jiżdiedu b’għaxar darbiet.  Persuni li jinqabdu jikkaċċjaw għall-ewwel darba jistgħu jeħlu multa ta’ €5,000 u/jew sena priġunerija, kif ukoll revoka tal-liċenzja u konfiskar tal-armi. F’każ li persuna tinqabad għat-tieni darba, il-multa togħla għal €10,000 u/jew sentejn priġunerija u konfiskazzjoni tal-armi.
Dan it-tibdil ġie wara li l-Gvern illum ippubblika avviż legali li emenda l-liġi tar-Regolamenti Dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li dan it-tibdil mistenni jkollu effetti pożittiv fejn tidħol l-infurzar tal-liġi.