Mil-lum lura fil-Parlament

Wara l-vaganzi tas-sajf, illejla se jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament u fuq l-aġenda hemm imniżżel li se jiġu diskussi bosta abbozzi ta’ liġijiet. 
Fosthom hemm l-emenda fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali biex jiġi introdott it-tielet pilastru tal-pensjoni, il-finanzjament tal-partiti politiċi u t-taxxa fuq id-dħul.
Suppost mil-lum il-Parlament kellu jibda jitlaqqa’ fil-bini l-ġdid fid-daħla tal-Belt iżda minħabba d-dewmien fix-xogħlijiet, it-trasferiment ġie pospost għal data oħra li sa issa għadha mhix magħrufa.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Joe Mizzi llum mistenni jagħti aktar dettalji dwar għaliex x-xogħol fil-parlament għadu mhux lest.
Il-parlament il-ġdid kellu jitlesta sat-30 ta’ Settembru u peress li l-bini għadu mhux lest, mill-1 ta’ Ottubru, il-Gvern beda jimponi multa ta’ €20,000 kuljum fuq il-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett.
Illejla wkoll se jkunu qed jiltaqgħu l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra kif ukoll il-Kumitat dwar is-Saħħa li se jkun indirizzat mill-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Tonio Borg.