Mil-lum l-Ispanjoli se jippruvaw inessu s-servizz tal-Arriva

Mil-lum, il-kumpanija Spanjola Autobuses Urbanos de Leon, għandha għadma iebsa quddiemha: trid tipprova tnessi lill-passiġġiera s-servizz offrut mill-Arriva fl-2011 sal-2013 u tipprova tikkonvinċihom li fl-aħħar se jkollhom servizz ta’ trasport pubbliku kif jixraq. 
Kif qal ma’ Newsbook.com.mt il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi, it-tranżazzjoni u l-bidliet fit-trasport mistennija jsiru gradwalment u b’kollox se jieħdu sena.
Il-bidla fl-operatur se ġġib ukoll bidla fil-kuluri użati fuq il-karozzi tal-linja.  L-aħdar ċar u l-abjad se jkunu l-kuluri l-ġodda tal-karozzi.
Bi €8 miljun, Autobuses Urbanos de Leon xtrat il-kumpanija tal-Gvern Malta Public Transport li fl-aħħar sena kienet qed tieħu ħsieb is-servizz tat-trasport.  B’kollox se tkun investiet mal-€40 miljun, b’din is-sena se tieħu sussidju ta’ €23 miljun li mistenni jiżdied b’€6 miljuni oħra fl-2016. 
Ġaladarba l-Ispanjoli jġibu f’Malta l-142 karozza li għandhom bżonn, ikunu jistgħu jibdew jaħdmu r-rotot il-ġodda u jżidu l-għadd ta’ xufiera. 
Dan ifisser żieda ta’ 3,000 post għat-trasport pubbliku jew żieda ta’ 20% fil-passenger capacity.
Il-kumpanija Spanjola sabet oġġezzjoni mill-konsorju Malti Island Buses Ltd. li fl-aħħar xhur tas-sena l-oħra argumenta li l-Gvern għandu jieqaf milli jkompli t-taħdidiet mal-Ispanjoli għax fost l-oħrajn waqt il-proċess, l-awtoritajiet Maltin biddlu l-kundizzjonijiet imposti fl-espressjoni ta’ interess. 
Kien biss f’nofs Diċembru li għadda li l-Qorti ddeċidiet li l-gvern għandu jkompli bl-iffirmar tal-kuntratt mal-Autobuses Urbanos de Leon.