Mil-lum jibdew l-iswab tests rapidi

Chris-Fearne
Miguela Xuereb

Read in English.

Mil-lum qed jibdew jintużaw l-iswab tests rapidi fiċ-ċentru tal-ittestjar il-ġdid fil-Furjana.

Bdew jaslu l-eluf ta’ rapid testing kits f’Malta, li daħlu fis-suq internazzjonali riċentament u li ġew klinikament approvati li huma effiċjenti fir-riżultati mogħtija. Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema Maltin b’Saħħitna ‘l Quddiem.

Il-Ministru Fearne spjega li mil-lum stess beda jingħata s-servizz tar-rapid testing mill-hub il-ġdid tal-Furjana u li l-ġimgħa d-dieħla se jiftaħ ċentru ieħor tar-rapid testing fit-Tramuntana ta’ Malta.

L-ispjega li ta Dr Fearne fil-Parlament
Sal-1 ta’ Novembru hemm 9,000 swab test ippjanati

Fearne qal li, “B’hekk se jkun possibbli li nagħmlu mal-elf rapid test kuljum mingħajr xkiel lill-eluf ta’ testijiet normali li qed isiru ta’ kuljum fis-sitt hubs eżistenti.” Id-Deputat Prim Ministru fisser kif il-pjan hu li r-rapid testing ikun offrut lill-ħaddiema tad-djar tal-anzjani, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fl-iskejjel u lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, fost l-oħrajn.

Waqt l-istess konferenza, Fearne elenka l-miżuri mħabbrin fil-baġit fejn tidħol is-saħħa. Fost l-oħrajn, huwa semma li s-sena d-dieħla se jkomplu jiżdiedu aktar mediċini fuq il-formularju tal-Gvern, bħall-mediċina għall-osteporożi, mediċini psikjatriċi u mediċini għall-HIV.