Mil-lum jibda żmien ta’ divertiment għal kulħadd

Żmien il-Milied hu żmien ta’ divertiment għal kulħadd, irrelevanti minn kemm wieħed għandu żmien.
Minn din is-sena, permezz tal-inizjattiva Let’s Dance, l-anzjani u persuni b’diżabilità li jgħixu f’diversi ċentri u residenzi f’Malta se jkollhom aktar ċans li jgawdu dan iż-żmien b’aktar briju.
Dan tħabbar mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva flimkien mal-Welfare Committee li flimkien nedew din l-inizjattiva.
L-artisti involuti f’din l-inizjattiva huma seba’ kantanti, tliet komiċi, magician, mużiċist u erba’ gruppi ta’ żeffiena.
L-inizjattiva se jkunu involuti fiha madwar 450 persuna b’diżabilità li ġejjin minn 10 ċentri ta’ matul il-jum mmexxija mill-Aġenzija Sapport, inkluż ukoll dak f’Għawdex.
Dawn is-sessjonijiet se jkunu qed jitwasslu kollha fix-xahar ta’ Diċembru, b’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Sapport u d-Dipartiment għal Anzjanità Attiva.
Barra minn hekk se jgawdu wkoll madwar 3,500 anzjan li jirrikorru f’ċentri ta’ matul il-jum.
Hu stmat li din l-inizjattiva se tolqot 28 ċentru ta’ matul il-jum, u 22 residenza.
Let’s Dance se tibda mil-lum u tispiċċa fit-22 ta’ Diċembru.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis sostna li s-soċjetà kollha għandha tkun parti miċ- ċelebrazzjonijiet tal-Milied u l-inklużjoni għandha sseħħ is-sena kollha.
Ritratt: DOI – Anthony Sultana