Mil-lum jibda t-tielet u l-aħħar staġun ta’ Manwela

Mil-lum fil-5.15pm fuq l-istazzjon Melita More, Cable Channel 315, jibda jixxandar it-tielet u l-aħħar staġun mis-sensiela Manwela, li oriġinarjament kien ixxandar bejn Ottubru 2018 u Ġunju 2019.

Manwela, ta’ tfal li kienet, bdiet ħajjitha bl-impressjoni li miġbura ma’ ommha u ma’ nannitha ma kien jonqosha xejn. Iżda ma’ kull ġurnata li bdiet tgħaddi bdiet tintebaħ li għal xi raġuni jew oħra l-affarijiet ma kienu xejn sew.

Li kienet fqira u nieqsa minn ħafna affarijiet ma ħalliex impatt fuq ħajjitha għax l-imħabba ta’ ommha Jennifer u tal-qari kienu jimlewlha ħajjitha. Imma ma damitx ma ndunat li missierha ma kien jidher imkien u nannitha, li kienet tieħu ħsiebha, kienet zorra u tarmi l-miżerja. Biex tkompli tgħaxxaqha, irrealizzat li minkejja li wara kollox nannitha kienet sinjuruna ma kellha ħsieb tħalli xejn. La lilha u lanqas lil ommha.

L-ewwel esperjenza ta’ mħabba, u ta barrani li kien lest jiddefendieha, sabitha meta ltaqgħet ma’ Sean l-vvukat, li dak iż-żmien kien qed iservi ta’ natur li nzerta iben in-nutar li normalment kien jieħu ħsieb l-interessi ta’ nannitha Diriana. Din l-imħabba baqgħet tgħix magħha bl-isperanza li għad xi darba tkompli minn fejn ħalliet.

Apparti din l-imħabba li ħasset għall-avukat, ħajjitha kompliet ħadet xejra għall-agħar meta ndunat li ħu ommha, Peter, kien spiċċa l-ħabs għax qatel lil martu Rita. Meta ommha spiċċat bla xogħol Manwela ħasbet li ħajjitha kienet destinata li tkun mimlija saram.  Iżda d-destin ħenn għalija meta ltaqgħet mas-Sur Paul Said Conti u kemm hi kif ukoll omma u nannitha spiċċaw jgħixu miegħu u mas-seftura tiegħu Norma.

Hawnhekk għall-ewwel darba f’ħajjitha Manwela ħassitha qed tgħix ġo familja u rrealizzat ukoll li mhix il-familja tagħha biss kienet mgħobbija bil-problemi, imma Paul, li tant kellu qalbu tajba, kien qed isofri għax iż-żewġ uliedu Claude u Victor kienu għamlu minn kollox biex jeqirduh. Dak li għamlu wassal lil Paul biex jiħrax u ħalef li ma jkellimhomx u ddikjara li ma kienx lest jerġa’ jiilqagħhom ġewwa daru għax skont hu huma kienu il-kaġun tal-mewt ta’ martu li tant kien jgħożż.

Manwela f’din id-dar  ħasbet li ħajjitha kienet fl-aħħar ħadet xejra għall-aħjar speċjalment meta hi sabet daqshekk imħabba minn Paul u minn Norma. Nannitha, f’dan l-ambjent, infetħet qisha warda li wieħed qatt ma kien jistenna.  Kien żmien sabiħ. U aktar imtliet bil-ferħ meta ommha sabitha maqbuda bejn l-imħabba lejn is-Sur Paul Said Conti u  Claude Said Conti. L-imħabba ta’ bejnha u bejn Claude  kienet inzergħet qabel ma spiċċaw jgħixu hemm ma’ missieru Paul meta Claude kien qabeż għal ommha meta kienet għadha taħdem fil-lukanda qabel ma tilfet ix-xogħol.

Iżda  Victor, it-tifel il-kbir ta’ Paul Said Conti, ma kienx lest li jċedi lil Jennifer lil ħadd għax ix-xorti ħażina ta’ Jennifer għamlet ċert li ma tħallihiex tgawdi  minuta ta’ trankwillità u reġgħet spiċċat se tpatti qares ir-relazzjoni qasira li fil-passat kellha ma’ Victor stess. Victor kien jippretendi li l-affarijiet tiegħu ma jmisshom ħadd u martu Claire, li kienet taf bir-relazzjoni li Victor kellu ma’ Jennifer, ma kienet kuntenta xejn meta saret taf li Jennifer reġgħet tfaċċat fil-ħajja ta’ żewgha, proprju fid-dar ta’ missieru stess.

Victor kien raġel ambizzjuż li ma ddejjaq xejn jgħaddi lil missieru minn dak li għaddih. Victor kien jagħmel parti minn organizzazzjoni sigrieta li xogħolha kien li tikkontrolla dak kollu li hu ta’ importanza fil-ħajja f’kull setter. Ma kien jiddejjaq xejn juża dawn il-kuntatti biex jasal fejn ried bħal ma sfortunatament irrealizzaw oħrajn fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. L-għajnuna li din l-organizzazzjoni toffri ma kienet isservi għalxejn ħlief li tassigura li fir-realtà min ikun irċieva l-għajnuna jispiċċa jbigħ ruħu lilha. Kull min iddeċida li jqajjem rixu, spiċċa dixxiplinat bħal ma spiċċa l-kirurgu Noah Bernard li ħallas qares għall-kummenti u d-dubji li qajjem fuq il-lealtà tiegħu lejn id-Dekasteru Tas-Saħħa li kien għenu jasal għal dak li huwa llum. Pattieha qares meta sparixxiet martu Sarah.

Mill-istess esperjenza għaddiet Manwela meta ommha nħatfet fil-ġurnata tat-tieġ tagħha ma’ Claude.  Iżda Manwela ma naqqset xejn mid-determinazzjoni li kellha li tirnexxi f’ħajjitha u l-mira li dejjem kellha li xi darba jew oħra tiggradwa bħala tabib.

Din l-ambizzjoni ressqitha lejn il-familja tal-kirurgu Noah Bernard.  Tgħid dak kollu li qed jiġri madwar Manwela qed jiġri bi tpattija għal dak li sar fil-passat mill-familja tagħha? Tgħid qed ikunu n-nies ta’ madwarha stess li qed ikomplu jeqirduha jew hemm xi ħadd li wara kollox għandu l-interessi tagħha għal qalbu u qed jagħmel minn kollox biex iħarisha?

X’inhu jiġri eżatt? L-organizzazzjonise tispiċċa tirrenja bħalma dejjem għamelt sal-lum? Jew se jasal iż-żmien li kulħadd jieħu dak li ħaqqu?

Fl-aħħar episodju ta’ Manwela tal-istaġun li għadda rajna lil Manwela se tiżżewweġ lill-uniku raġel li qatt ħabbet.  Iżda kollox sfratta fl-aħħar mument.  Tgħid dan kellu jkun id-destin kiefer ta’ din il-familja jew hemm min għamel minn kollox biex sfratta dan it-tieġ u għandu l-aħjar interess ta’ Manwela?  

Manwela għandu kitba ta’ Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa, bi produzzjoni ta’ Rewind. Melita More se jkun qed ixandar dawn l-episodji mit-Tnejn sal-Ġimgħa dejjem fil-5.15pm.