Mil-lum erġa’ segwi l-istorja ta’ Dun Grejbel u Susanna

Fost is-sensiliet ta’ drama li qed jerġgħu jixxandru matul dan is-sajf, mil-lum insibu dik ta’ It-Tfal Jiġu bil-Vapuri ta’ Oliver Friggieri, li l-ewwel żewġ staġuni tagħha għandhom addattament għat-televiżjoni minn Lino Grech, filwaqt li t-tielet wieħed addattah Mario Micallef, li fis-sensiela jinterpreta l-karattru ta’ wieħed mill-protagonisti, Dun Grejbel. Dan ix-xogħol televiżiv għandu direzzjoni ta’ Charles Stroud.

L-istorja sseħħ fil-bidu tas-seklu l-ieħor, f’raħal imbiegħed fit-tarf l-ieħor tad-dinja. L-abitanti ta’ dan ir-raħal kienu tista’ tgħid kollha bdiewa. L-uniku żvog li kellhom l-irġiel kien, li wara ġurnata fix-xemx ta’ Awwissu jiltaqg ̇u fil-ħanut tal-inbid li kellu Patist fil-misraħ tar-raħal. In-nisa kienu jibqgħu d-dar jieħdu ħsieb irabbu lil uliedhom fil-biża’ t’Alla. Il-kelma sess qatt ma ssemmiet fid-djar u fl-irziezet tar-raħal. Is-sess kien tabù. Meta l-ulied kienu jistaqsu minfejn kienu jiġu t-tfal, it-tweġiba kienet tkun: It-tfal jiġu bil-vapuri!

Xbejba ta’ 17-il sena li ssib ruħha mħabbla f’kobba ħtija ta’min kien daħħlilha f’rasha li t-tfal jiġu bil-vapuri. Ħtija tal-innoċenza tagħha. Iżda żgur li l-akbar ħtija kienet ta’ dak li rikeb fuq l-innoċenza tagħha biex qata’ l-għatx sesswali tiegħu, u wara ħarab.

Imma Susanna hija ta’ karattru kuraġġjuż. Meta tiġi mkeċċija minn dar missierha u ommha ma taqtax qalbha. Iżda anki meta t-tamiet tagħha jiġu fix-xejn kif tiġi misruqa mit-tarbija tagħha minuti biss wara li wellditha.

Susanna tibqa’ tfittex u tittama.

Jgħaddu s-snin u f’ħajjitha jidħol Dun Grejbel, li jipprova jgħinha.

Iżda lsien in-nies huwa ħażin wisq…

It-tfal Jiġu Vapuri se jixxandar mil-lum u jkompli kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, fuq l-istazzjon Net fis-12.50pm. F’kull ġurnata jixxandru żewġ puntati wara xulxin.