Mil-lejla: Xogħlijiet f’Tal-Balal u l-Marsa-Ħamrun Bypass

Mil-lejla se jibdew xogħlijiet fi Triq tal-Balal bejn in-Naxxar u San Ġwann u fil-bypass ta’ bejn il-Marsa u l-Ħamrun.

Fi stqarrija, Infrastructure Malta, l-aġenzija li se twettaq ix-xogħlijiet, qalet li dan qed isir “bħala parti minn żewġ proġetti differenti biex titjieb il-kwalità u l-effiċjenza ta’ dawn ir-rotot ewlenin.”

Ix-xogħol se jsir bejn it-8:00 pm u s-6:00 am u se jkompli għaddej matul il-ġimgħa. Partijiet minn dawn it-toroq u t-toroq li jingħaqdu magħhom jistgħu jkunu magħluqa waqt dawn il-ħinijiet. It-toroq jinfetħu filgħodu wara s-6:00 am.

Skont Infrastructure Malta se jkun hemm uffiċjali tat-traffiku biex jiggwidaw lis-sewwieq lejn rotot alternattivi.

Fi Triq tal-Balal se jkun hemm korsija oħra u se jinbnew ukoll mill-ġdid erba’ roundabouts li hemm fit-triq. Dan ix-xogħol għandu jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar matul din ir-rotta. Il-ħidma fil-Marsa-Ħamrun Bypass bdiet aktar kmieni din is-sena.

Il-proġett jinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda tat-tqassim tas-servizzi ta’ l-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni u sistemi tad-drenaġġ, taħt il-livell tat-triq, il-bini mill-ġdid tas-central strip b’sistemi ta’ crash barriers u dwal ġodda, kif ukoll 1.7 kilometri ta’ bankini ġodda.