Mil-lejla tista’ terġa’ ssegwi Tereża

Mil-lejla fuq l-istazzjon Smash tistgħu terġgħu tibdew issegwu s-soap opera Tereża li kienet oriġinarjament ixxandret fl-2015. Kull nhar ta’ Ħamis se jkunu qed jixxandru tlett puntati wara xulxin mit-8.30pm ‘il quddiem.

Din is-sensiela kellha produzzjoni ta’ Watermelon Media għal Inflation Media fuq idea maħsuba minn Pierre Portelli.

Sarah Camilleri tinterpreta l-karattru prinċipali ta’ Tereża Ward, infermiera li trid tiffaċċja d-diffikultajiet tal-ħajja kif ukoll dawk fuq il-post tax-xogħol. Tereża dejjem tpoġġi lill-oħrajn qabilha u mhux l-ewwel darba tispiċċa biex tinvolvi ruħha, xi kultant iżżejjed, fil-ħajja u l-problemi tal-pazjenti li tiltaqa’ magħhom.

Iżda l-istorja ma tiffukax fuq il-ħajja professjonali ta’ Tereża biss. Fid-dar fejn tgħix hemm ukoll ommha Ines (Veronica Farrugia) u t-tifla Rebekah (Ileana Cutajar). 

Tereża hija maħbuba minn dawk kollha ta’ madwarha, iżda hi dejjem tħossha inċerta fuq kollox, speċjalment fuq ir-relazzjoni tagħha ma’ Sandro (Jason Zerafa) li jrid jiżżewwiġha akkost ta’ kollox.

Żewġt irġiel oħra fil-ħajja ta’ Tereża huma Dr. Max Saliba (Neville Refalo), il-boss tagħha fl-isptar fejn taħdem. Għandu ħafna xi jgħid kieku jiftaħ qalbu iżda ċ-ċirkustanzi f’ħajtu ma jippermettux. Miżżewweġ lil Marisa (Yeda Spiteri Thomas).  Imbagħad hemm Trevor (Adrian Azzopardi), karattru misterjuż ħafna li għandu influenza qawwija fuq Tereża.

Fost dawk li trid tħabbat wiċċha magħhom Tereża hemm Melanie (Simone De Battista), infermiera fid-Day Care ma’ Tereża, li ma taħmilx il-fatt li kulħadd jissaħħar wara Tereża.

Tereża għandha direzzjoni ta’ Ivan De Battista, Jason Zerafa u Neville Refalo.

Illejla fl-ewwel puntata niltaqgħu ma’ Tereża li taħdem fl-isptar. Hemmhekk hemm diversi karattri li jiffurmaw parti mill-ħajja tagħha ta’ kuljum iżda lura d-dar hemm ommha Ines u bintha Rebeccah. Fit-tieni puntata, Max jinkwieta mir-reazzjoni tal-pulizija hekk kif il-Pulizija tagħmel l-istħarriġ tagħha wara li tkun mietet Rose. Tereża u Ines jiddiskutu l-atteġġjament ta’ Rebeccah. Fit-tielet puntata Ines tkompli tinkwieta għal Rebeccah hekk kif ikompli jitgħalha d-deni. Mario jċempel lil Sandro biex jgħidlu bit-theddida ta’ Roger. Tereża tissuspetta li hemm xi ħaġa ħażina.