Mil-lejla jerġa’ jibda Santa Monika

Santa Monika

Bdil fl-iskeda tal-istazzjon Net hekk kif mil-lejla terġa’ tibda tixxandar is-sensiela Santa Monika. Dan se jsir fid-8.45pm u l-episodji li se jixxandru huma dawk tal-bidunett li kienu xxandru f’Ottubru 2005.

Fiċ-ċirkostanzi preżenti madwar id-dinja, ħafna programmi fuq kull stazzjon qed jitwaqqfu u nistennew programmi popolari mill-imgħoddi li se jkunu qed jitwasslu fl-iskedi tal-istazzjonijiet Maltin u barrannin.

L-ewwel staġun ta’ Santa Monika jikkonsisti f’26 puntata u jaħdmu bosta atturi bħal Theresa Gauci, Vivienne Caruana, Ray Attard, Vanessa Cassar, Simone Zammit, Monica Attard, Claire Agius Ordway, Yvonne Pace, Owen Bonnici, Daphne Said, Dorianne Bonanno, Frederick Testa, Gino Lombardi, Roderick Vassallo, Noelene Miggiani, Louise Cassar, Sarah Spiteri, Josette Ciappara, Mary Grech u l-mibkija Doris Bonello, fost ħafna oħrajn.

Fl-episodju tal-lejla naraw kif fil-Faċilita Korrettiva Santa Monika tasal gwardjana ġdida. Tidher li hi mara kwieta iżda ma ddumx ma turi snienha. Niltaqgħu wkoll ma’ Jessie li tinsab ħerqana li fi ftit jiem oħra se tinħeles mill-ħabs. Sandra tixtieq taħtaf l-opportunità biex tisserva b’Jessie.