Mijiet ta’ xjentisti jgħidu li l-coronavirus jista’ jiġi trażmess fl-arja

Xjentisti jitolbu lill-WHO tirrevedi r-rakkomandazzjonijiet – NYT

REUTERS/File Photo

Read in English.

Mijiet ta’ xjentisti kkonkludew li hemm biżżejjed evidenza li turi li n-novel coronavirus li jinsab f’partikoli żgħar fl-arja jista’ jinfetta lill-persuni, u qed jitolbu lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex tirrevedi r-rakkomandazzjonijiet tagħha, skont rapport tan-New York Times.

Id-WHO qalet li l-marda tal-CoVid19 tinfirex primarjament minn persuna għal oħra permezz ta’ qatriet żgħar mill-imnieħer jew mill-ħalq, li joħorġu meta persuna li jkollha l-COVID-19 tisgħol, tagħtas jew titkellem.

F’ittra miftuħa lill-aġenzija, li r-riċerkaturi bi ħsiebhom jippubblikaw f’ġurnal xjentifiku l-ġimgħa d-dieħla, 239 xjentist fi 32 pajjiż ippreżentaw evidenza li turi li partikoli żgħar jistgħu jinfettaw lill-persuni, qalet in-New York Times.

Id-WHO ma pprovdietx risposta meta ntalbet biex tikkummenta minn Reuters. 

Kemm jekk jinġarr minn qtar kbar li jtiru fl-arja wara xi għatisa, jew minn qtar ħafna iżgħar li jintnefħu ‘l barra li jistgħu jaqsmu t-tul ta’ kamra, il-coronavirus jinġarr fl-arja u jista’ jinfetta persuni meta dawn jieħdu nifs ‘il ġewwa, irrappurtaw ix-xjentisti, skont in-NYT. 

Madankollu, l-aġenzija tas-saħħa qalet li l-evidenza li tgħid li l-virus jgħaddi fl-arja mhix konvinċenti, skont in-NYT.

“B’mod partikolari f’dawn l-aħħar xaharejn, iddikjarajna diversi drabi li aħna nqisu li t-trasmissjoni fl-arja hija possibbli, iżda ċertament dan il-fatt mhux sostnut minn evidenza solida jew ċara,” qalet Dr. Benedetta Allegranzi, il-kap tekniku tad-WHO għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjoni, skont rapporti tan-NYT.