Mijiet ta’ turisti Ingliżi jaħarbu mill-kwarantina fl-Iżvizzera

Mijiet ta’ turisti Ingliżi li suppost kienu qegħdin jagħmlu kwarantina fl-Iżvizzera mal-wasla tagħhom, minħabba l-varjant il-ġdid tal-coronavirus, ħarbu mill-post fejn kienu qegħdin joqogħdu.

Ġurnali barranin qalu li dawn kienu qegħdin joqogħdu ġo Verbier, ski resort, u wħud minnhom spiċċaw tfaċċaw fi Franza. Il-villaġġ Verbier huwa popolari mat-turisti Ingliżi għall-iskiing.

Ġie rrappurtat li l-awtoritajiet tal-Iżvizzera identifikaw 420 mistieden mir-Renju Unit li ntalbu joqogħdu kwarantina qabel il-Milied. Madwar 50 ħarbu immedjatament, filwaqt li mit-370 l-oħra, kien għad fadal inqas minn 12 illum. Uħud minnhom instabu fi Franza.

Il-ħaddiema fil-lukanda bdew jissuspettaw li t-turisti ħarbu meta bdew iċemplulhom fil-kamra tagħhom u dawn ma wiġbuhomx, u l-ikel li jitħalla quddiem il-bieb ta’ kamrithom ma ntmessx.

Ir-Renju Unit spiċċa iżolat mid-dinja wara l-varjant tal-Covid-19 li tfaċċa fl-Ingilterra u beda jinfirex b’mod allarmanti. Dan wassal lil diversi pajjiżi biex jagħlqu l-fruntieri għar-Renju Unit, jew jirrikjedu lin-nies ġejjin minn hemm biex jagħmlu kwarantina.

Il-varjant issa nfirex f’pajjiżi oħra, fosthom fi Franza, fi Spanja, fil-Kanada u fil-Libanu.